Lokali

Jibqa’ jwebbes rasu u jirrifjuta li jippubblika l-emendi dwar l-liġi tal-abort

Taħwid u konfużjoni sħiħa.

Għalkemm il-Gvern ta’ Robert Abela ħass li għandu jdaħħal l-abort f’pajjiżna, sa issa ħadd għadu ma jaf ma’ min iddiskuta dan is-suġġett. Bil-Prim Ministru ma jridx jgħid x’inhuma l-emendi li jrid jagħmel.

Ħafna tkelmu dwar il-problemi kollha li jduru ma’ din l-liġi. Minn tobba, għal infermieri u psikologi, u saħansitra l-President ta’ Malta George Vella u l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca… kollha jappellaw lill-Gvern Laburista biex joħroġ rasu mir-ramel u jisma’ dak li għandhom x’jgħidulu l-esperti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Net News sab lil Robert Abela dieħel Kastilja hekk kif laqqa’ il-Kabinett biex jiddiskutu dawn is-suppost bidliet. Iżda l-Prim Ministru baqa’ jirrifjuta li jgħid ma’ min ikkonsulta qabel fassal dawn il-bidliet…u x’inhuma dawn l-emendi.

Sa issa, din il-liġi tinsab fi stadju ta’ Kumitat, bil-Gvern ta’ Robert Abela qed ikaxkar saqajh tant li għadu ma ppreżentax lill-Oppożizzjoni is-suppost tibdil fil-kliem ta’ din l-emenda.

Il-Partit Nazzjonalista matul dawn ix-xhur żamm pożizzjoni ċara kontra l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna hekk kif kompla jisma’ lill-esperti mediċi u professjonisti f’dan is-settur biex ipoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox, favur il-ħarsien tal-ħajja mil-bidu sat-tmiem naturali tagħha.