Lokali Parlament

Konrad Mizzi jimplika lill-Kabinett Laburista f’kull deċiżjoni tal-power station tal-Electorgas; ma jiċħadx li interrogawh il-pulizija

L-ex ministru Laburista Konrad Mizzi ddikjara diversi drabi fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li l-Kabinet Laburista kien informat b’kollox fid-deċiżjonijiet dwar il-power station.

Il-kumitat (PAC) kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u d-deputati Nazzjonalisti David Agius u Graham Bencini rrappreżentaw lill-Oppożizzjoni. Il-gvern ken rappreżentat mill-Whip tal-Gvern Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Glenn Bedingfield u Alex Muscat.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li jirriżulta lid-deċiżjoni dwar il-power station tal-Eletrogas ttieħdet fl-10 ta’ Ottubru 2013 u tħabbret fit-12 ta’ Ottubru 2013.

Mistqosi meta u kif sar jaf li l-Electrogas kienu rebħu l-kuntratt tal-power station, l-ex ministru Laburista Konrad Mizzi qal li ma jiftakarx kif kien informat li l-kuntratt kien intrebaħ mill-Electrogas. Hu sostna li Gvern Laburista kellu mandat elettorali fl-2013 biex iraħħas il-kontijiet u qal li l-proċess tal-power station ried ikun mgħaġġel.

Hu kien mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott għaliex il-gvern insista għal offshore meta kien hemm diversi fatti kif stabilixxa l-Awditur Ġenerali li saru asserzjonijiet ħżiena

L-ex ministru Laburista wieġeb li l-UE ma timponi l-għażla tal-power station jew il-ħażna tal-enerġija. Hu qal li l-Gvern kien ikkunsidra li tt-tankijiet fuq l-art ma jkunux jistgħu jitneħħew waqt li l-vapur tal-gass jista’ jinħareġ mill-port.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista David Agius dwar in-nuqqas ta’ unanimità fil-Bord tal-Enemalta dwar l-Electrogas, l-ex ministru Laburista Mizzi qal li d-deċiżjoni tal-kuntratt ma kinitx tiegħu u żied li mhux ċert jekk kinx jaf li l-membru Lara Boffa kienet ivvutat kontra.

Dwar il-laqgħa li saret Kastilja fil-11 ta’ Ottubru 2013 qabel ittieħdet id-deċiżjoni u li fiha l-kumpanija preferuta ddikjarat min ħa l-kuntratt ġurnata qabel iddeċieda l-Bord tal-Enemalta, l-ex ministru Mizzi qal li kien hemm il-Progamme Review Board u “trid tistaqsi lilhom”. Din il-preżentazzjoni saret quddiemek! irrimarka David Agius lil Konrad Mizzi.

L-ex ministru Mizzi qal li kien qed isegwi l-proċess tal-offerti iżda ma jafx li nbidlu ċertu kundizzjonijiet f’dan il-proċess. Mistoqsi x’rilevanza hemm bejn il-power station u l-proġett tal-Montenegro, l-ex ministru Mizzi wieġeb li m’hemm l-ebda konnessjoni bejn iż-żewġ proġetti.

Dwar safar barra l-pajjiż fuq il-proġett tal-power station, l-ex ministru Mizzi qal li kien iltaqa’ mal-banek, iltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea, iltaqa’ mal-avukati imma ma jafx xejn u ma jiftakarx fejn kien mar. Hu ċaħad li mar Dubaj u l-Ażerbajġan u qal li meta mar f’dawn il-pajjiżi ma kinx b’relazzjoni mal-power station.

Mistoqsi dwar il-kumpanija New Energy Supply, Konrad Mizzi qal li ma jaf xejn dwarha u ma jafx li l-benefiċċjarju ta’ din il-kumpanija hu Yorgen Fenech. Hu qal li jaf biss Yorgen Fenech kien il-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group. Dwar il-maħfra ta’ €40 miljun f’taxxi lill-Electrogas, Konrad Mizzi qal li ma kinx involut fid-deċiżjoni u ma jafx min ħadha. Hu qal li kien biss sema’ li kien hemm diskussjonijiet dwar dan imma ma jafx kif sar jaf.

L-ex ministru Mizzi qal li kien jaġġorna lill-Kabinet bid-deċiżjonijiet imma ma jafx jekk il-Kabinet tal-Ministri kienx informat b’din id-deċiżjoni tal-Enemalta. “Dan kollu ilu 10 snin u ma niftakarx”, iddikjara Konrad Mizzi għal diversi mistoqsijiet.

Konrad Mizzi qal li ma jiftakarx jekk Yorgen Fenech kinx kellmu dwar dawn id-danni likwidati u l-€40 miljun taxxi maħfura. Hu qal li l-gvern kien approva dak kollu indikat fosthom il-loan tal-Bank of Valletta.

Konrad Mizzi ma weġibx jekk kinx qal lil Yorgen Fenech biex iħassar ċertu korrispondenza u qal li din ma knitx rilevanti. Muri żewġ ittri pubblikati minn The Times miktuba minn Konrad Mizzi li spiċċaw għand Yorgen Fenech, l-ex ministru Laburista qal li ma jafx kif dawn spiċċaw għand Yorgen Fenech. Waħda minn dawn l-ittri huma mibgħuta lill-Ministru tal-Ażerbajġan dwar Socar.

Fl-2015 il-gvern beda jara d-diffikultajiet finanzjarji tal-Gazoil u dwar dan, Konrad Mizzi qal li l-gvern kien talab parir dwar dawn id-diffikultajiet Dwar iż-żieda tal-garanzija minn €110 miljun għal €450 miljun, l-ex ministru Mizzi qal li anki din kienet approvata mill-Kabinet Laburista. L-ex ministru Laburista qal li l-gvern Laburista kien iddeċieda li jgħti l-garanzija temporanja biex ikun jista’ jsir il-proġett tal-power station.

Mistoqsi dwar il-kitchen cabinet tal-gvern Laburista, Mizzi qal li l-garanzija kienet approvata mill-ministri kollha tal-gvern u tinsab anki fil-minuti tal-Kabinet. Dwar il-qrubija ta’ Konrad Mizzi ma’ Joseph Muscat fuq l-isptarijiet u l-power station skont kif xehed l-ex ministru Edward Scicluna, Konrad Mizzi qal li ma jafx x’inhu kitchen cabinet u sostna li kollox kien approvat mill-Kabinet.

Konrd Mizzi ma weġibx jekk qattx kien interrogat mill-Pulizija dwar l-Electrogas u qal li Brian Tonna kien iddikjara li ma kellu l-ebda konessjoni ma’ 17 Black jew ma xi kumpanija oħra li tissemma’. Hu qal li kien sema’ bihom permezz tal-media u sostna li hu qatt ma ħa flus għalkemm veru kien għamel it-trust fi New Zealand li, skont hu, ma nfetħux għal dawk l-iskopijiet li jissemmew.

B’riferenza għar-rapport tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ex ministru Mizzi qal li hu qatt ma għamel xejn ħażin u r-rwol tiegħu kien biss ta’ policy maker. Qatt ma saret xi ħaġa illegali anzi jien kburi b’dak li sar, sostna l-ex ministru Mizzi, li ma weġibx għaliex kien tkeċċa mill-PL.

Il-kumitat kien aġġornat għas-seduta li jmiss li fiha se jixhed Karl Cini ta’ Nexia BT u l-Avukat Aaron Mifsud Bonnici, is-Segretarju tal-Enemalta.