Koppja ta’ tifel ta’ seba’ snin residenti l-Mosta ġew immultati €50,000 u ngħataw probation għall-perjodu ta’ tliet snin wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li ffrodaw diversi persuni, nkluż lil binhom stess meta berbqu mal-€35,000 li kienu ngħataw għall-kura tal-kanċer. Dan wara li rriżulta l-koppja żagħżugħa kienet lgħabet il-flus.
Meta ġiet għall-piena fil-konfront ta’ Ryan Debattista ta’ 31 sena u Nicole Bezzina ta’ 27 sena, l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati serji li dwarhom instabet ħtija, reati li jisfruttaw il-ġenerożità ta’ min ħenn u wera altruwiżmu bla limitu, ta’ min xejn ma ħaseb jew ittittuba qabel ma nieda ġabriet biex jagħti għajnuna lil tifel ċkejken u lill-familtu li, f’għajnejh, kienu għaddejjin minn saram mill-aktar krudili.
Huma nstabu ħatja li fit-18 ta’ Mejju 2022, u fix-xhur u snin ta’ qabel, iffrodaw b’aktar minn €5,000 b’deteriment għal binhom u persuni oħra kif ukoll b’ħasil ta’ flus. Ryan Debattista waħdu ammetta wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li kiser ordni ta’ probation ta’ sentejn mogħtija fis-6 ta’ Jannar 2021. Il-Qorti ordnat lil missier iħallas multa ta’ €30,000 u €20,000 oħra lil omm. Il-Maġistrat Frendo Dimech ikkonfiskat ukoll is-somma ta’ €35,000 u l-konfiska tal-propjetà mobbli u immobbli tal-koppja.
“Minflok mal-ġenituri apprezzaw dawn il-ġesti nobbli, bla mistħija u wara li qarrqu b’kulħadd, berbqu frott l-għaraq ta’ sħabhom u tal-pubbliku in ġenerali biex iffinanzjaw il-vizzju tagħhom għal-logħob, vizzju li kull ma ġabilhom kien telf”, sostniet il-Maġistrat.
Il-Qorti qieset ukoll dak li stqarrew rappreżentanti ta’ Puttinu Cares meta xehdu li minkejja kollox, it-tifel kien kurat u miżmum tajjeb mill-ġenituri tiegħu tant li inkwantu għal kura ta’ binhom, ġabu wriehom b’mod eżemplari fejn tawh l-kura medika kollha biex illum jinsab mfejjaq u qed ikompli jagħmel progress.
Il-Qorti qalet lill-ħatja li tistenna li minn issa l-quddiem din il-koppja tgħix hajja eżemplari bħala ġenituri fit-trobbija ta’ binhom fejn se jkollha teżerċita kawtela kbira tul iż-żmien li ser ikun fis-seħħ l-ordni ta’ superviżjoni fuqhom impost biex ma jxellfux difrejhom mal-Liġi. F’liema każ Qorti tiġi kostretta titratta magħhom għar-reati serjissimi (senjatament dak ta’ frodi kif kontemplati fil-Kodiċi Kriminali) li tagħhom instabu ħatja.
Ittieħed kont tal-fatt li Ryan Debattista t għandu fedina penali mtappna u mżewwqa filwaqt li l-fedina penali tal-mara hi waħda netta. Ma setgħax jonqos li jiġu ikkunsidrati ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u li dan hu każ ta’ ‘self-laundering’ fejn irriżulta li l-ammont ta’ qliegħ frawdolenti, rikavat mir-reat, kien dak ta’ €35,000.
L-istess ammont li ġie riċiklat iżda li ma rrendiex xi gwadann, qliegħ jew profitti ulterjuri, anzi l-imputati tilfu dak kollu li kienu iggwadanjaw mir-reat ta’ frodi. B’hekk rikavat mill-ħasil ta’ flus f’dan il-każ ma kienx hemm. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Muscat u għall-koppja deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>