Lokali Qorti

Sentenza sospiża għad-Direttur tal-ħabs fuq theddid b’arma tan-nar

Id-Direttur tal-ħabs Robert Brincau ġie kkundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati ta’ theddid fuq persuna wara li pponta senter lejh li ferieh ħafif u li kien qed iġorr l-arma tan-nar mingħajr liċenzja fil-bajja tal-Għadira l-Mellieħa f’Awwissu li għadda.

Brincau ta’ 49 sena instab ħati mill-Maġistrat Charmaine Galea li ħareġ arma tan-nar u ppontaha lejn rasu waqt argument jaħraq. L-arma, kienet ukoll ġiet ippreżentata fil-Qorti flimkien ma’ ‘holster’ iswed u 10 balal ta’ 9mm, kienet fost il-lista ta’ armi rreġistrati f’CCF iżda mhux lil Brincau nnifsu. Huwa ma nstabx ħati li għamel użu ħażin minn tagħmir elettroniku.

Il-vittma Liam Doublet kien qed jaħdem bħala xufier ma’ Alpha Medical, kumpanija privata li kienet tipprovdi servizzi mediċi ta’ emerġenza fil-bajja u spiċċat f’argument mar-Red Cross dwar min kellu d-dritt li jġib il-pazjenti l-isptar b’ambulanza.

Liam Doublet kien spjega lill-Qorti li Brincau kien ħareġ arma tan-nar u ppontaha lejn rasu waqt argument mimli tensjoni. L-Ispettur Ryan Vella akkuża lil Brincau bi ġrieħi ħfief, li hedded raġel b’arma, li insulenta u hedded raġel, li kien ġarr arma tan-nar mingħajr liċenzja fil-pubbliku, li kien armat waqt li twettaq reat u li kiser il-paċi pubblika, b’rabta mal-inċident tal-21 ta’ Awwissu. fil-Bajja tal-Ghadira. Hawn huwa qed jiġi allegat li ppunta pistola lejn xufier tal-ambulanza.

Xhieda kienu ddeskrivew lill-Qorti kif id-direttur tal-ħabs kien allegatament hedded ekwipaġġ tal-ambulanza b’pistola fil-Bajja tal-Għadira fis-sajf li għadda, f’inċident li jidher motivat minn rivalità kummerċjali bejn il-fornitur tas-servizz tal-ambulanza u l-Malta Red Cross, li Brincau kien id-Direttur tagħha fil-passat.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Galea osservat li għalkemm il-kondotta kriminali ta’ Brincau ma kinitx imċappsa, kellu bżonn jifhem li dak li għamel bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkastigat b’mods legger. Għalkemm terminu effettiv ta’ priġunerija ma kienx wieħed xieraq, fiċ-ċirkustanzi, il-Qorti kienet se timponi piena b’tali mod li l-akkużat irid joqgħod attent ħafna biex ma jagħmilx reati oħra fil-futur.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittmi, il-konfiska tal-arma tan-nar u l-balal involuti. L-Avukat Edmond Cuschieri deher parte civile. Is-Supretendent Priscilla Caruana Lee u l-Ispettur Ryan Vella mexxew il-Prosekuzzjoni. L-avukat Stephen Tonna Lowell deher għal Brincau. L-avukat Edmund Cuschieri deher għall-vittma.