Lokali

“Taħt Robert Abela tirrenja l-liġi tal-ġungla” – Bernard Grech

“Robert Abela qed jammetti li ġab kultura tal-bullies u fit-tliet snin li ilu Prim Ministru ġab pajjiż fejn ħadd mhu jħossu safe. U tipikament, jara f’min iwaħħal meta l-prim akkużat huwa hu”.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-midja soċjali fejn sostna li issa l-eks Direttur tal-Ħabs għadu kif instab ħati li hedded b’arma lil nies ċivili.

“Il-Ministru u Robert Abela kienu baqgħu jiddefenduh”.

Bernard Grech insista li fl-aħħar jiem smajna b’żgħażagħ attakkati minn bullies fil-Belt Valletta, b’raġel taħt l-influwenza tad-droga joqtol tfajla bil-karozza u wara li attakkaha bil-ġebel, mietet.

“Għawdxin iħossuhom mhedda wkoll minn nuqqas ta’ ħarsien tal-liġi u sigurtà f’Marsalforn u f’postijiet oħrajn. Żagħżugh fl-aqwa ta’ ħajtu jmut f’sit tal-kostruzzjoni u sal-lum ħadd għadu ma refa’ responsabbiltà. Min għandu s-saħħa u l-flus jibni fejn irid, kif irid u kemm irid, anke jekk hemm bżonn ngħawġu r-regoli għalih. L-eżempji ma jispiċċaw qatt”.

Bernard Grech insista li min hu b’saħħtu jagħmel li jrid għax taħt Robert Abela tirrenja l-liġi tal-ġungla, iżżarma l-Korp tal-Pulizija u ddgħajjef l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

“Robert Abela waqqa’ l-istandards ta’ kollox u dan hu r-riżultat tal-kollox jgħaddi u tax-xejn mhu xejn. Ġenituri inkwetati dwar uliedhom u familji mkissrin. Dan hu l-legat tiegħu tal-aħħar tliet snin”.