Sport Sport Ieħor

Tennis – Open tal-Awstralja: Magħrufa l-ewwel semifinalisti

Fl-Open tal-Awstralja, l-ewwel Grand Slam tas-sena, it-Tlieta kienu magħrufa l-ewwel semifinalisti kemm fil-kompetizzjoni tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, hekk kif intlagħbu l-ewwel logħbiet mill-kwartifinali.

Fil-kompetizzjoni tal-irġiel l-ewwel semifinali se tkun bejn ir-Russu Karen Khachanov u l-Grieg Stefanos Tsitsipas.

Khachanov għeleb lill-Amerikan Sebastian Korda wara li l-Amerikan irtira fit-tielet set meta ir-Russ kien f’vantaġġ komdu.Fil-fatt Khachanov kien rebaħ l-ewwel żewġ sets 7-6, 6-3, u kien 3-0 minn fuq fit-tielet set meta Kords weġġa’ u kellu jirtira.

Fil-logħba l-oħra Stefanos Tsitsipas ftit sab diffikulta biex għeleb lil Jiri Lehecka tar-Repubblika Ċeka fi tliet sets. Tsitsipas rebeħ 6-3, 7-6, 6-4.

Intant l-Erbgħa jintlagħbu ż-żewġ kwartifinali l-oħra fejn Novak Djokovic jilgħab kontra Andrey Rublev u fil-logħba l-oħra derby Amerikan bejn Ben Shelton u Tommy Paul.

Fil-kompetizzjoni tan-nisa l-ewwel semifinali se tkun bejn Elena Rybakina u Victoria Azarenka li t-tnejn rebħu l-kwartifinali tagħhom f’żewġ sets.

Rybakina tal-Każakistan għelbet lil Jelena Ostapenko tal-Latvja 6-2, 6-4, filwaqt li Victoria Azarenka tal-Belarus għelbet lill-Amerikana Jessica Pegula 6-4, 6-1.

L-Erbgħa jkunu magħrufa ż-żewġ semifinalisti l-oħra wara l-logħbiet bejn Karolina Pliskova u Magda Linette, filwaqt li Aryna Sabalenka tilgħab kontra Donna Vekic.