Uffiċjal tal-BirdLife xehed li osserva u ffilmja kaċċatur li kien qed iħalli tifel jimmaniġġja u jispara fil-Miżieb. Il-Kap tal-Konservazzjoni tal-NGO, Nicholas Barbara, xehed meta kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Julian Xriha quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca.
Ħu Xriha Daniel huwa d-Direttur Ġenerali tal-Federazzjoni Kaċċa u Konservazzjoni (FKNK). Barbara qal lill-Qorti kif kien ilu jakkumpanja żewġ voluntiera tal-BirdLife fl-inħawi tal-Miżieb tal-Mellieħa fit-3 ta’ April 2021, l-aħħar jum tal-istaġun tal-kaċċa ta’ dik is-sena.
“L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien kien miftuħ dak iż-żmien u ż-żona kienet popolari mal-kaċċaturi. Dak iż-żmien, il-kaċċa għall-gamiem ma kinitx permessa,” huwa qal. Huwa kien wasal fl-inħawi għall-ħabta tas-6am. Għall-ħabta tas-7:45 ta’ filgħodu, kien innota persuna f’dura madwar 200-250 metru bogħod.
“Xegħlejt il-kamera u, hekk kif għamilt iż-żoom, indunajt li kien hemm, fil-fatt, żewġ persuni ġewwa d-dura. Indunajt li t-tieni persuna kien tifel, ta’ inqas minn 16-il sena. L-adult ggwida lit-tifel biex jispara fuq xi ħaġa baxxa fl-art. Ma stajtx nara x’kienet il-mira, imma smajt it-tir.” qal Barbara, fejn esebixxa wkoll ritratti ta’ dak li kien ra.
Huwa kien informa lill-Pulizija wara li stabbilixxa l-post eżatt tad-dura. Meta waslu l-Pulizija, sabu żewġ persuni ġewwa d-dura, l-akkużat u l-minuri, u wieħed mis-snieter. F’ħin minnhom il-filmati wrew lill-akkużat jimmaniġġa l-arma b’mod skorrett, u kkawża ħruġ negliġenti ta’ wieħed mis-snieter, li għadda minn qrib ras it-tifel.
Fortunatament, it-tifel ma weġġax, iżda l-filmat jurih iżomm widnejh, qal ix-xhud. Barbara esebixxa wkoll ritratti mill-filmati. “Iktar tard, meta waslu l-Pulizija, l-voluntiera l-oħra qaluli li kienu raw lill-akkużat iħalli d-dura għal xi ħin, qabel ma rritornaw,” qal Barbara.
Ix-xhud spjega li kien jissuspetta li dan seta’ kien attentat biex jinħeba t-tieni senter. Il-Pulizija kienu, fil-fatt, irkupraw wieħed biss mis-senter, iżda wara li għamlu tfittxija aktar vasta, ġie rkuprat it-tieni senter li kien moħbi fl’arbuxxell ftit il- bogħod mid-dura. L-Ispettur Eliott Magro staqsa lix-xhud min kien ra jispara s-shotgun. “Lit-tifel,” wieġeb Barbara.
Uffiċjal tal-Pulizija mit-Taqsima tal-Ħarsien tal-Ambjent li kien xogħol fil-ġurnata inkwistjoni, kien ix-xhud li jmiss. Il-filmati li ntwerew kienu ċari, qal. “Kien hemm tifel, adolexxenti, f’moħba aċċessibbli bis-sellum, iżomm arma tan-nar u jisparaha.”
L-uffiċjal imbagħad kien resaq lejn id-dura, u nnota żewġ persuni ġewwa u madwarha. Huwa qal li għarafhom mill-filmati li qabel kienu murija lilu mit-tim tal-BirdLife. “Tlabt lis-Sur Xriha għad-dokumenti tiegħu u għedtlu li kellu d-dritt li jibqa’ sieket u d-dritt li jkellem avukat.”
Xriha ma talabx li jkun assistit minn avukat, huwa qal. Xriha qal lill-uffiċjal li ibnu spara fuq xi bottijiet. Inqabdu s-snieter Beretta tax-Xriha u l-liċenzja tal-kaċċa. Kuntistabbli tal-Pulizija li dak iż-żmien kien stazzjonat fl-EPU ikkonferma r-rakkont mogħti mix-xhud preċedenti.
Huwa wkoll fakkar lill-akkużat jgħid li l-minuri kien qed jispara fuq bottijiet, huwa qal. Id-difiża talbet lill-Qorti tordna li jitfassal rapport ta’ inkjesta soċjali dwar iċ-ċirkustanzi tal-akkużat. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba, li mbagħad il-Qorti laqgħet ukoll. Il-każ ġie differit għal April biex id-difiża tressaq il-provi tagħha.
//= $special ?>