Lokali Parlament

344 ħaddiem fis-settur tas-saħħa jitilqu f’ħames snin

Ian Vassallo Hagi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi qal fl-Aġġornament tal-parlament li f’ħames snin is-settur mediku tilef 344 ħaddiem Malti li telqu minn dan is-settur.

Ian Vassallo Hagi qal li fil-Wied ta’ bejn ir-Rabat, l-Imdina u l-Imtarfa intefa’ ammont kbir ta’ terrapien u sar sfreġju ambjentali f’dan il-wied. Hu appella biex ikun hemm rimedju għal din il-ħsara ambjentali.

Hu sostna li, minkejja dak li jgħid il-gvern, is-sistema tas-saħħa mhix kif nixtiquha għaliex qed jintilfu ħafna ħaddiema fis-settur tant li s-sena l-oħra telqu 91 Malti u 39 barrani.

Fl-aħħar ħames snin, bejn l-2016 u l-2020, telqu mis-settur tas-saħħa 344 persuna. Din hi sitwazzjoni allarmanti u għandha tkun trattata b’mod immedjat biex il-ħaddiema Maltin jibqgħu f’Malta wara l-ammont kbir ta’ flus investiti fihom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern mhux iwieġeb dwar l-offerta biex jinxtraw l-uniformijiet u sostna li hemm problema wkoll fit-trasferimenti tal-ħaddiema. Problema oħra gravi hi s-swali ta’ Mater Dei fejn issa reġa’ infetaħ il-canteen bie xjintuża bħala sala għall-pazjenti waqt li fis-sala l-MIU m’hemmx aċċess għal twieqi u l-pazjenti jitpoġġew kważi jmissu ma’ xulxin.

Hu appella biex il-gvern jinvesti fuq il-kura primarja u sostna li l-Oppożizzjoni lesta tibqa’ tgħin biex titjieb is-sitwazzjoni fis-settur tas-saħħa. Jeħtieġ li jkun hemm iktar screening anki fil-postijiet tax-xogħol biex ċertu mard jinqabad mill-ewwel u fi stadji kmieni.