Lokali Parlament

Dejn ta’ madwar €9 Biljun; mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna

Jerome Caruana Cilia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal fil-parlament li d-dejn ta’ madwar €9 biljun hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna.

Hu tkellem dwar il-governanza u l-għaqal u dwar sfida kbira li għandu dan il-pajjiż. “Sa ftit ilu konna qed nidraw ngħidu li pajjiżna għandu dejn li jlaħħaq it-€8 biljun, m’għaddiex wisq żmien li mhux se jkollna nibdew ngħidu li pajjiżna għandu dejn ta’ madwar €9 biljun”, sostna l-Kelliem għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista.

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), id-dejn ta’ pajjiżna sal-aħħar ta’ Settembru 2022 kien ta’ madwar €8.8 biljun. Dan ifisser żieda ta’ €762 miljun fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

“Kull għajnuna lill-vulnerabbli u lill-familji, lin-negozji trid tingħata. Għaldaqstant, naqblu mal-għajnuna li tingħata mill-Gvern dwar dan iżda ma naqblux mal-ħela u t-tberbiq minn flus il-poplu”, kompla Jerome Caruana Cilia.

Il-Gvern għandu jwaqqaf il-ħela u t-tberbiq lil tal-qalba u għandu jwaqqaf l-iffangar li qed isir b’mod kontinwu minn dawk il-ftit tal-klikka, sostna Caruana Cilia li nsista li l-Gvern jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni.

Irridu naraw li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli. Dan ifisser li d-dejn ikun jista’ jitħallas lura mingħajr piżijiet żejda, anke fil-kuntest li r-rati tal-interessi fuq bażi internazzjonali, kif kulħadd jaf, qegħdin jiżdiedu. Id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia qal kif punt kruċjali hu li jkun ikkontrollat discretionary spending, jiġifieri li jiġi evitat infieq żejjed u mhux bżonnjuż. Tassew ħasra li l-Gvern qed jinjora għal kollox deċiżjonijiet bħal dawn.

“Minkejja ż-żidiet li kien hemm, li huma tajbin, f’dawn iċ-ċirkostanzi, dawk vulnerabbli, partikolarment il-pensjonanti, qegħdin ibatu ħafna. It-trasparenza titlob illi flus il-poplu jintużaw kif inhu xieraq u bi trasparenza assoluta u mhux ħela u l-ħabi,” saħaq Jerome Caruana Cilia.

Hu spjega kif filwaqt li d-Debt-to-GDP Ratio ta’ pajjiżna għadu taħt is-60%, skont kif stipulat mill-kriterji tat-trattat ta’ Maastricht u dipendenti fuq rati ta’ tkabbir ekonomiku ottimisti; id-Deficit-to-GDP ratio hu ta’ madwar 5.8%, għola mit-3% skont kif stipulat mill-kriterji ta’ dan it-trattat.

L-obbligu tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu konformi mal-kriterji tat-trattat ta’ Maastricht kien ġie sospiż f’Marzu 2020 meta faqqgħet il-pandemija u se jibqgħu sospiżi sal-aħħar tal-2023. Madanakollu, dan id-dejn kollu irid jiġi indirizzat.

“Dan id-dejn kollu mhu xejn ħlief mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. B’mod partikolari f’kuntest ta’ rata rekord tal-inflazzjoni, tassew ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ”, kompla jgħid id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia.

Hu tkellem ukoll dwar l-inflazzjoni, dwar ir-rwol tal-Fond Monetarju Internazzjonali, dwar il-miljuni fil-każ tal-bejgħ tat-tlett sptarijiet lil Vitals u Steward u kif dawn għandhom iħallsu lill-poplu Malti €37 miljun f’taxxa u tkellem ukoll dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.