Il-verżjoni bil-Malti tal-kummiedja li tifqgħek bid-daħq Boeing-Boeing se tittella’ fil-Manoel bejn l-10 u t-12 ta’ Frar
Traduzzjoni ġdida bil-Malti ta’ dramm komiku klassiku waslet biex tiftaħ dalwaqt fit-Teatru Manoel.
Moħħok hemm għax dieħel…l-ajruplan ġiet maqluba u addattata għall-Malti minn John Suda u Mario Micallef. Din il-kummiedja hi bbażata fuq Boeing-Boeing, farsa tad-drammaturgu Franċiż Marc Camoletti, li l-adattament tagħha bl-Ingliż ġennen il-West End ta’ Londra u kienet ukoll elenkata fil-Guinness Book of Records bħala l-aktar dramm Franċiż li nħadem madwar id-dinja.
L-istorja ssegwi lil Bernard, perit għażeb li għandu appartament f’Pariġi u tliet għarajjes il-ġmiel tagħhom: Giséle, li taħdem bħala stewardess mas-Swissair; Rita, stewardess mal-Air Malta; u Ingrid, stewardess mal-Lufthansa. Bernard fassal rutina li tiżgura li l-ebda waħda minn dawn it-tliet nisa ma ssir taf bit-tnejn l-oħra – sakemm kull waħda minnhom tiġi d-dar kull tlett ijiem skont it-titjiriet skedati. Maria, il-qaddejja li tgħix f’daru, tagħtih daqqa t’id biex din l-istrateġija makakka jżommha miexja ħarir.
Madankollu, għid li xi darba jew oħra din l-iskeda perfetta se taħbat ma’ xi skoll – u hekk jiġri fil-fatt. Tibdil fl-ordni tat-titjiriet, flimkien ma’ kumplikazzjonijiet ikkawżati mit-temp u ajruplan Boeing ġdid u aktar veloċi, iħarbtu l-pjanijiet metikolużi ta’ Bernard, u eventwalment iwasslu biex it-tliet nisa jiltaqgħu d-dar fl-istess ġurnata. Biex tagħqad, iz-ziju ta’ Bernard, Robert, jasal mill-Kanada bla mistenni, u jsib ruħu mżeffen f’konfużjoni farseska fil-veru sens tal-kelma, hekk kif jagħmlu minn kollox biex iżommu l-istewardesses separati minn xulxin u l-bużżieqa milli tinfaqa’.
Taħt id-direzzjoni ta’ Salvu Mallia, Mario Micallef imexxi l-kast ta’ Moħħok hemm għax dieħel…l-ajruplan, flimkien ma’ artisti komiċi Maltin mill-aqwa, fosthom Ron Briffa, Marceline Galea, Alison Abela, Tezara Saliba u Soraya Queen.
“Tgħid Bernard jispiċċaha b’wiċċ il-ġid il-ġurnata? U b’liema prezz? Għandha mnejn tkun wisq għalih, u ma jiflaħx għaliha!” qal Mario Micallef, li hu ko-produttur u ko-traduttur, kif ukoll attur fil-produzzjoni tal-Manoel li se tittella’ dalwaqt.
Moħħok hemm għax dieħel…l-ajruplan se tkun it-Teatru Manoel nhar il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 ta’ Frar fit-8pm, u nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar fis-7pm. Din il-produzzjoni hi addattata għal udjenzi li għandhom 12-il sena jew aktar. Il-biljetti jistgħu jinkisbu online minn www.teatrumanoel.mt, permezz ta’ email indirizzata lil bookings@teatrumanoel.mt jew
inkella billi ċċempel (+356) 2124 6389.