Lokali

Filmat li juri l-aħħar mumenti ta’ Pelin Kaya waqt li kienet qed tiċċelebra għeluq sninha

Dan huwa il-filmat li ħareġ mill-midja Torka t-Tlieta filgħaxija u li juri l-aħħar mumenti ta’ Pelin Kaya waqt li kienet qed tiċċelebra għeluq sninha flimkien ma’ sħabha.

Ħafna stqarru li qas felħu jarawh dan il-filmat –  hekk kif il-vittma li dehret ferħana se ttir taqsam il-cake ta’ għeluq snina.

It-tfajla Torka inqatlet siegħa wara, meta fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa kienet mixja lura lejn ir-residenza tagħha wara dan il-festin żgħir ma sħabha. Pelin Kaya ittajret u nqatlet fil-Gzira minn Jeremie Camilleri li bħalissa għaddej proceduri fil-Qorti.

Id-dettalji ta’ kif mietet din it-tfajla xxokjaw lil kulħadd. Dan hekk kif wara li baqa’ diehel fi stabbiliment tal-ikel u tajjar lill-vittma, Camilleri niżel mill-karozza u qabad iwadbilha il-ġebel li waqgħu mill-istess binja.

Il-kumpilazzjoni ta’ Jeremie Camilleri mixli bil-qtil ta’ it-tfajla se tibda nhar it-Tnejn 30 ta’ Jannar, quddiem il-Magistrat Rachel Montebello.

Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon, jidher li xi membri tal-familja ta’ Pelin se jkunu preżenti waqt il-ġbir tal-provi, kif kienu preżenti oħt u z-ziju tal-vittma nhar il-Ħamis li għadda, meta Camilleri tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Kien previst li l-ġenituri tal-vittma jaslu Malta mit-Turkija meta tressaq Camilleri, iżda minħabba t-trawma li għaddew minnha, ma kienx possibli għalihom li jagħmlu dan il-vjaġġ.

Jeremie Camilleri jinsab mixli b’14-il akkuża, bl-aktar waħda gravi tkun l-omiċidju ta’ Pelin Kaya.

Il-Malti/Franċiz ta’ 33 sena minn Ħal Lija, jinsab akkużat ukoll li kkaġuna feriti gravi fil-konfront tal-vittma, ikkaġuna ferita ħafifa fuq ċertu John Muscat u persuni oħra, għamel ħsara f’pompa tal-petrol, saq karozza b’mod perikoluż f’post pubbliku meta kien taħt l-effet tad-droga u li kien xurban.

Hu qed jiġi mixli wkoll li attakka uffiċjali pubbliċi bi vjolenża, ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kellu fil-pussess tiegħu d-droga u li kiser ordni ta’ Probabtion.