Lokali Qorti

Ħabib tal-akkużat jgħid li Roderick Cassar qallu li qatel lil martu, u li issa kien imiss il-funeral tiegħu

Ħabib ta’ Roderick Cassar mixli bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar f’Novembru li għadda qal li filgħodu fil-jum tal-inċident huwa kien ċempillu u dan qallu li kien qatel lil martu u issa jmiss li jsir il-funeral tiegħu. Stephen Seychell qal li s-sena l-oħra hu kien ra status fuq Facebook ta’ Roderick Cassar li kien jgħid li kien se jneħħi ħajtu. Peress li kien jaħdem miegħu, kien inkwieta u ċempillu biex jara għandux bżonn xi ħaġa.

“Aw Roderick, int ok” huwa kien qallu għall-ħabta tad-8.40am. fil-jum tal-inċident. Seychell qal lill Qorti li l-akkużat qallu biex imur għal-funeral tiegħu, qallu ejdilhom jiġu, għax il-funeral tiegħi jmiss. Ix-xhud qal li wara dan id-diskors Roderick Cassar qallu “ħa nħallik issa”. Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni għal min kien qed jalludi biex jattendi għall-funeral tiegħu, x-xhud qal li assuma li għal ħbieb tax-xogħol u fuq mistoqsija oħra x’kien eżatti id-diskors – dan qallu “qtilta, qtilta l-mara”

Seychell qal li meta ċempillu,sa dak il-ħin ma kienx jaf x’ġara. Huwa mbagħad għaraf lill-imputat fl-awla. Huwa kkonferma wkoll li għamel biss telefonata waħda għamel fuq in-numru tal-akkużat. Din ix-xhieda ngħatat meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba li jinsab mixli li wettaq femiċidju fil-konfront ta’ martu Bernice Cassar ta’ 40 sena.

Cassar qed jiġi mixli bi 15-il akkuża fosthom  li meta seħħ il-femiċidju nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru għall-ħabta tat-8am.huwa żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha f’Raħal Ġdid fejn seħħ ir-reat, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess.

Huwa kien mixli wkoll li seraq il-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha. Huwa kien akkużat li kiser ordni ta’ probation u li insultena terza persuna, maħsub li kien raġel li kien ipprova jintervjeni il-Ġimgħa filgħodu ftit tal-mumenti qabel ma seħħ il-qtil.  

Il-koppja, l-akkużat u martu kienu fil-proċess ta’ separazzjoni minn ma’ martu, kien ħarab minn fuq il-post tar-reat u mar f’residenza fil-Qrendi. Wara 17-il siegħa ta’ negozjati bejnu u bejn il-Pulizija, fis-2am Cassar ġie arrestat mill-Pulizija wara li n-negozjati ma rnexxewx. 

Il-kumplament tax-xhieda kienu esperti tal-Qorti bħal dawn ta’ fuq ix-xena tar-reat li ħadmu wara fil-laboratorju forensiku.  L-ewwel xhud f’Awla 24 kien l-espert tal-IT Martin Bajada bil-Prosekuzzjoni titolbu jestratta ċ-chats minn żewġ mowbajls ta’ ħabiba tal-vittma. Bajada ntalab ukoll jagħmel presentation awdjo-viżwali bid-data kollha. Wara xehdet  is-Surġent Michelle Camilleri li ppreżentat rapport b’120 ritratt minn fuq il-post tar-reat.

Ix-xhieda li jmiss kienu l-Kuntistabbli Maria Bezzina u Benjamin Abela mit-Taqsima Forensika tal-Pulizija. Bezzina tgħid li l-Maġistrat inkwirenti Noel Bartolo appuntahom bħala uffiċjali fuq il-post tar-reat u li ġew mitluba biex imorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza sabiex jieħdu kampjun tal-fdalijiet tat-tiri minn fuq Roderick Cassar. Spjegat kif ittieħdu l-kampjuni u ippreżentat ir-rapport tagħha fil-Qorti.

Xhud ieħor kien is-Surġent Karl Micallef li ġie appuntat sabiex jassisti fl-inkjesta. Hu analizza l-marki tas-swaba fuq is-senter użat mill-akkużat u fuq il-box magazine fejn jinżammu l-balal. Fuq is-senter instabet marka waħda tas-swaba u fuq il-box magazine nstabu tnejn. Hu wkoll ippreżenta r-rapport tiegħu.

Wara l-avukat Angele Vella mill-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tappunta espert li jista’ jieħu kampjn tal-marki tas-swaba tal-akkużat sabiex jikkumparahom mal-marki li nstabu fuq is-senter u l-box magazine, liema talba kienet milqugħa.

Xehdu wkoll il-pajżan Matthew Azzopardi u s-Surġent Braden Borg mit-Taqsima Forensika. Borg qal li mar fuq il-post tar-reat u jippreżenta rapport “marbut mal-femiċidju ta’ Bernice Cassar”.

L-avukat Franco Debono, li qed jirrappreżenta lill-akkużat, intervjena u staqsa  minn fejn ġiet din tal-femiċidju. L-avukat Angele Vella tgħid li din hija inkluża fil-lista ta’ akkużi. Il-Maġistrat jisħaq mas-Surġent li xogħlu hu li jiddokumenta x’ra fuq il-post tar-reat u mhux jitkellem dwar l-akkużi. Iżid li dan huwa xogħol il-ġurija li tiddeċiedi jekk kienx femiċidju jew le.

Borg qal ukoll li r-rapport jinkludi l-appartament tal-akkużat fil-Qrendi, il-karozzi tal-vittma u l-akkużat u l-post tar-reat innifsu u li r-rapport jinkludi wkoll ċavetta u ħġieġ li nstabu fuq il-post tar-reat, oġġetti oħra mill-awtopsja u ċ-ċavetta tal-karozza tal-akkużat li nstabet fil-Qrendi.

Xehed wara rappreżentant tal-Epic li ppreżenta lista tat-telefonati u l-postijiet tat-telefonati ta’ erba’ persuni. L-avukat Arthur Azzopardi jitlob lix-xhud jidentifika l-paġna marbuta mad-data localisation. Hu staqsieh jekk id-data hijiex riżultat tal-ġabra tad-data jew hijiex minn tas-sena l-oħra. Ir-rappreżentant jgħid li dak ikun xogħol tal-inġinier u li f’dan il-każ niżżlet u pprintjat ir-rapporti.

Wara kien imiss rappreżentant tal-GO li jippreżenta rapport u eżatt warajh rappreżentant tal-Melita liippreżenta rapport tat-telefonati u l-postijiet minn fejn saru. L-avukat Angele Vella talbet lill-Qorti biex tgħaddi din id-data lill-espert Martin Bajada biex jinkludihom fil-presentation tiegħu. Il-Qorti aċċettat din it-talba. Il-Qorti qalet li s-seduti li jmiss se jsiru fis-6 ta’ Frar fid-9.30am u fis-7 ta’ Frar fl-10am.

L-avukati Franco Debono,Marion Camilleri, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għal Roderick Cassar, l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma bħala parte civile. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija.