Internazzjonali

Iċ-Ċina: Żieda allarmanti fil-każi tal-Covid fiz-zoni rurali

L-investigaturi tal-Istazzjon Britanniku BBC sabu l-provi li qed imutu numru konsiderevoli ta’ nies bil-Covid fir-reġjuni rurali taċ-Ċina. Dan meta l-virus jidher li qed jinfirex lejn iz-zoni aktar remoti fiċ-Ċina fejn il-popolazzjonijiet huma akbar fl-età.

Ir-reġjun ta’ Xinzhou, fil-provinċja ta’ Shanxi, qed ibati impatt partikulari tal-epidemija ġdida bil-Covid, meta l-vittmi tal-marda qed jiżdiedu minn jum għal ieħor.

Ilu għaddej dibattitu dwar il-vera ammonti tal-mejtin bil-Covid fiċ-Ċina mindu l-ibliet il-kbar Ċiniżi rappurtaw mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet fl-aħħar ġimgħat.

Dan meta xi 80 fil-mija tal-popolazzjoni Ċiniża – jew ‘il fuq minn biljun ruħ – spiċċaw infettati bil-Covid mindu l-awtoritajiet komunisti Ċiniżi warrbu r-restrizzjonijiet drastiċi għall-movimenti tan-nies li kienu wasslu fi protesti kbar fid-diversi bliet.

U skont l-epidemjoloġisti Ċiniżi, iċ-Ċina, il-ġimgħa l-oħra, irrappurtat 13,000 mewta relatata mal-Covid fi spazju ta’ sitt ijiem u li kienu magħdudin mas-60,000 mewta (b’kaġun tal-virus) irrappurtati minn Diċembru f’dan il-pajjiż.