Internazzjonali

Ir-Russja thedded lill-Punent dwar id-deċiżjoni tal-Ġermanja biex tibgħat it-tankijiet tal-gwerra

Ir-Russja tinsab urtata ħafna għall-Ġermanja wara li l-Kanċillier Ġermaniż. Olaf Scholz, ikkonferma li pajjiżu ċeda għall-pressjoni tal-Punent biex jibgħat it-tankijiet tal-gwerra moderni, tat-tip Leopard 2, lill-Ukrajna biex din tkun tista’ tikkumbatti aħjar lill-qawwiet Russi f’pajjiżha.

Intant, il-Kremlin wissa biċ-ċar lill-Punent li se jkollu jiffaċċja l-konsegwenzi bl-azzjonijiet tiegħu li, skont ir-Russi, huma intenzjonati biex jeskalaw il-livell tal-konflitt fl-Ukrajna.

Dan wara li l-Kanċillier Scholz ikkonferma li pajjiżu se jittrasferixxi 14-il tank ‘Leopard 2’ lill-Ukreni filwaqt li ta l-permess biex jagħmlu l-istess il-pajjiżi l-oħra li xtraw dawn it-tankijiet mingħand il-Ġermanja.

Il-komunità internazzjonali kienet ilha tinsisti biex il-Ġermanja u l-Alleati tagħha japprovaw l-esportazzjoni ta’ dawn it-tankijiet — għalkemm l-opinjoni pubblika fil-Ġermanja qed tirrifletti anki element ta’ diżgwid dwar dan il-pass.

Min-naħa tiegħu, Scholz qed jinsisti biex l-Istati Uniti wkoll tibgħat it-tankijiet tal-gwerra tat-tip M1 Abrams lill-Ukrajna. Dam meta l-Gvern Amerikan tal-President Joe Biden kien mistenni jħabbar il-pjani biex jintbagħtu almenu 30 minn dawn it-tankijiet avvanzati li huma ideali għall-fronti tal-battalja fl-Ukrajna.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li pajjiżu jeħtieġ talanqas 300 tank tal-gwerra avvanzati mingħand il-Punent biex ikun jista’ jegħleb lir-Russja f’din il-gwerra.

Sadanittant, il-Gvern Russu, il-propagandisti f’Moska u l-ambaxxaturi tar-Russja fil-Punent kollha qablu li pajjiżhom se jkun qed iqis kwalunkwe kunsinni ta’ tankijiet tal-gwerra lill-Ukreni bħala provokazzjoni sfaċċata.

Mistoqsi dwar dan l-iżvilupp fil-gwerra tal-Ukrajna, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, qal li l-pjan tal-Punent għandu jfalli filwaqt li esprima t-twemmin li t-tankijiet ‘Leopard 2’ mhumiex se jaqilbu l-bilanċ tal-gwerra b’mod daqstant deċiżiv favur l-Ukreni.

U l-propagandisti f’Moska qalu li l-preżenza ta’ tankijiet tal-gwerra ta’ manifattura Ġermaniża fl-Ukrajna għandha twassal biex ir-Russja tikkunsidra lit-territorji, il-bażijiet militari u siti oħra tal-Ġermaniżi bħala miri leġittimi għall-militar Russu.

Kien hemm anki wħud mill-propagandisti li rreferew ukoll għall-Ministru Ġermaniż tad-Difiża, Christine Lambrecht, bħala ‘kretina’ li, bl-aġir tagħha, qed tfakkar f’meta l-militar Nażista kien invada l-artijiet tar-Russja waqt l-eqqel tat-Tieni Gwrra Dinjija.

Il-Kremlin, issa, se jkompli jiżviluppa n-narrativa li l-Punent hu l-aggressur f’dan il-konflitt, bl-awtoritajiet Russi jridu li l-poplu tar-Russja jemmen li n-NATO, taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti, qed tuża lill-Ukrajna biex tiġġieled gwerra kontra pajjiżu mingħajr ma tiddikjaraha b’mod uffiċjali.

Fi żviluppi oħra, il-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, laqa’ tajjeb id-deċiżjoni tal-Ġermanja biex tibgħat it-tankijiet ‘Leopard 2’ lill-Ukrajna, Dan meta l-Gvern f’Varsavja kien ilu jitlob lill-Ġermanja u pajjiżi alleati oħra tan-NATO biex jgħinu lill-Ukreni bit-trasferiment ta’ armamenti tal-gwerra aktar sofistikati.

Il-Polonja, intant, tinsab lesta  biex tibgħat 14 il-tank tal-gwerra ‘Leopard 2’ – minn ħażna ta’ 250 – lill-Ukrajna.