Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Jeremie Camilleri għal nhar it-Tnejn – Mixli b’14-il akkuża, fosthom il-qtil ta’ Pelin Kaya

Il-kumpilazzjoni ta’ Jeremie Camilleri, mixli bil-qtil tat-tfajla Torka Pelin Kaya permezz tal-karozza tiegħu BMW, se tibda nhar it-Tnejn li ġej, 30 ta’ Jannar, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.  Huwa mifhum li xi membri tal-familja tal-vittma se jkunu preżenti waqt il-ġbir tal-provi, kif kienu preżenti oħt u z-ziju tagħha nhar il-Ħamis filgħaxija hekk kif Camilleri tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. 

Kien previst li l-ġenituri tagħha jaslu Malta mit-Turkija meta tressaq Camilleri, iżda minħabba t-trawma li għaddew minnha ma kienx possibbli li jagħmlu l-vjaġġ. Minn informazzjoni li għandna jista’ jkun li għall-kumpilazzjoni jkunu preżenti, dejjem skont iċ-ċirkostanzi ta’ saħħithom.

Jeremie Camilleri nżamm arrestat wara li ġie mixli b’14-il akkuża, bl-aktar waħda gravi tkun l-omiċidju ta’ Pelin Kaya, ta’ 30 sena. Inċidenti tat-traffiku normalment ikollhom akkuża ta’ qtil involontrarju imma dan hu każ differenti, peress li Camilleri mhux talli ma ppruvax jevita milli jtajjar lill-vittma anzi saq lejn id-direzzjoni tagħha.

Fil-fatt wieħed mill-investigaturi tal-każ, l-Ispettur Kurt Zahra, qal fil-Qorti nhar il-Ħamis, “Dan ma kienx sempliċiment inċident tat-traffiku iżda omiċidju volontarju.” Camilleri allegatament waddab ukoll xi ġebel fid-direzzjoni tal-vittma. Hu qal li ma jaħdimx u għandu ċittadinanza doppja, dik Maltija-Franċiża. Għandu 33 sena u twieled f’Toulouse u joqgħod Ħal Lija. Hu qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Camilleri jinsab akkużat ukoll li kkaġuna feriti gravi fil-konfront tal-vittma, li kkaġuna ħsara fil-ġisem tagħha, ikkaġuna ferita ħafifa fuq ċertu John Muscat u persuni oħra, għamel ħsara f’pompa tal-petrol, u li saq karozza b’mod perikoluż f’post pubbliku meta kien taħt l-effett tad-droga u xorb alkoħoliku.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li attakka uffiċjali pubbliċi bi vjolenza, ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u s-sustanza Diazepam u li kiser ordni ta’ probation.  Camilleri kien qed isuq karozza tal-għamla BMW meta tajjar lil Pelin Kaya, waqt li kienet miexja għall-ħabta tas-1am ta’ nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Jannar.

Il-karozza BMW sewda misjuqa minn Camilleri baqgħet dieħla fir-restorant KFC wara li għamlet ħsara f’pompa tal-petrol ta’ ħdejha. Allegatament is-sewwieq irriżulta pożittiv b’livelli għoljin għall-kokaina u l-alkoħol waqt testijiet li saru fl-Isptar Mater Dei wara l-inċident.

Il-Puilzija qalet li l-filmati miksuba waqt l-investigazzjonijiet urew kif is-sewwieq saq dritt fuq Kaya u li hu ma kienx tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu. Il-Pulizija għandha provi wkoll li Camilleri ħareġ mill-karozza u waddab xi ġebel lejn il-vittma hekk kif kienet mimduda fl-art.

Il-filmati juru wkoll li l-akkużat kien aggressiv ma’ dawk li kienu għaddejjin mill-qrib u ppruvaw jgħinu lill-mara. Hu ġie mixli wkoll li rreżista lill-Pulizija, fejn kellhom jużaw it-taser gun biex irażżnuh. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods. Il-Prosekuturi min-naħa tal-Avukat Ġenerali huma l-Avukati Kaylie Bonett u Nathaniel Falzon. 

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin. L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard dehru bħala parte civile għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-kumpilazzjoni se tibda f’11.45am.  Għalkemm Camilleri kellu kundanni preċedenti, għal raġunijiet strambi, l-aktar kundanna riċenti tiegħu biss tista’ tinstab fuq il-websajt tal-Qorti.

Dik li tmur lura għall-bidu ta’ dan ix-xahar meta, fl-4 ta’ Jannar, Camilleri kien ammetta li seraq oġġetti minn ħwienet tal-ikel minn Tas-Sliema u Ħ’Attard u li kiser ordni ta’ probation. Sussegwentement kien ikkundannat għal tliet snin probation. Fuq każ ieħor Camilleri kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ probation li kienet inħarġet lilu wara li nstab ħati għal reat ieħor mill-Qorti t’Għawdex fi Frar tal-2021.