Lokali Parlament

Jeħtieġ għajnuna effettiva lil dawk fil-bżonn

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea sostniet fil-parlament li l-għajnuna li tingħata lil persuni, partikolarmment nisa li jibqgħu jaħdmu d-dar, tkun waħda effettiva meta jinqalgħu ċirkostanzi u dawn ikollhom bżonn l-għajnuna.

Graziella Galea enfażizzat l-importanza li ma jkunx hemm żbilanċ bejn il-koppji f’ċirkostnzi ta’ separazzjoni u appellat biex ma jkunx hemm sitwazzjonijiet fejn dawk in-nisa li jibqgħu jaħdmu d-dar fil-familja u ma jmorrux jaħdmu jkunu diskriminati meta jiġu għall-pensjoni f’każ ta’ separazzjonijiet.

Hi qalet li x-xogħol tad-dar hu importanti anki għas-soċjetà u għalhekk il-liġi se tkun qed tikkumpensa lill-mara f’każ ta’ separazzjoni fil-kuntest tal-pensjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li fil-liġijiet hemm bżonn impenn biex dak li hemm fl-abbozzi jitwettaq fil-prattika biex, fost l-oħrajn, isiru r-rikorsi fil-qrati neċessarji quddiem dawn is-sitwazzjonijiet.

Jeħtieġ li t-tbatija f’dawn iċ-ċirkostanzi titnaqqas, sostniet Graziella Galea, li appellat biex il-każi quddiem il-qrati ma jdumux ma jinqatgħu waqt li jkun stabbilit perjodu massimu li fih każ irid’ jinqata biex il-manteniment jibda jingħata.

Hi appellat biex persuni separati jingħataw l-appoġġ kollu, biex l-għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan is-settur jingħataw l-appoġġ neċessarju, biex il-persuni involuti u li jkunu għaddejjin mill-problemi jkunu konxji mill-għajnuna li teżisti u biex id-dipartiment konċernat jnaqqas il-perjodu li fih tibda tingħata l-għajnuna.