Lokali Parlament

Jeħtieġ trasparenza u demokrazija fil-mod kif l-FIAU topera u timmulta

David Agius, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal fil-parlament li jeħtieġ li jkunu assigurati t-trasparenza u d-demorkazija fil-mod kif l-FIAU timmulta lill-professjonisti.

David Agius qal li l-FIAU għandu jkollha iktar kredibbiltà u titmexxa b’iktar serjetà u sostna li l-bidliet m’għandhomx ikunu kosmetiċi għaliex ftit xhur ilu membru ta-Brod tal-FIAU ma baqgħetx fil-Bord tal-FIAU għal raġunijiet partikolari.

Hu sostna li l-membri tal-Bord tal-FIAU għandhom responsabbiltà kbira u għalhekk dawn il-membri għandhom jiddikjaraw fil-pubbliku l-interessi u anki l-konflitti ta’ interess tagħhom fil-bidu li jsiru membri fil-Bord u anki waqt it-terminu tagħhom. Dawn huma nies li jinvestigaw lil min iridu u għalhekk tajjeb li l-poplu jkun jaf x’negozju għandhom il-membri tal-bord u lil min jafu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li persuna li kienet fil-Bord tal-FIAU kienet konsulenta ta’ min kien qed jiġi investigat mill-FIAU. Il-liġi għandha tinkludi wkoll li l-membri tal-bord ma joffrux servizz lil kumpaniji li jaqgħu taħt l-iskrutinju tal-istess FIAU.

David Agius kompla li l-ismijiet tal-persuni nominati għandhom ikunu publbikati bie xikun verifikat li fl-interess tal-ġustizzja jkunu sar l-aħjar għażliet. Dan ikun pass ’il quddiem biex jitneħħa l-ħabi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Bord tal-FIAU sal-lum jiddeċiedi, jinvestiga u jagħti multi qawwija. Hemm 16-il kawza kostituzzjonali kontra l-FIAU. Ftit ġranet oħra se jkun hemm is-sentenzi ta’ dawn il-kawżi.

X’qed jistenna l-gvern li jisma’ mill-Kummissjoni Venezja, mill-Professur Kevin Aquilina u mill-Imħallef Giovanni Bonnelo biex ikun hemm maġistrat li jisma’ l-kawżi fejn l-FIAU jwaħħlu l-multi li jammontaw għal miljuni. Is-sena li għaddiet, l-FIAU immultat total ta’ €3.5 miljun waqt li fl-2001 tat €1.1 miljun f’multi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawn huma multi esaġerati minn entità li tinvestiga, tiġġudika u tiddeċiedi. Quddiem din is-sitwazzjoni, il-pubbliku jkollu jmur fil-qrati għar-rimedju. F’każ partikolari, il-Qorti tal-Appell naqqset il-multa imposta fuq accountant anzjan minn €10,500 għal €2,000.

Kien hemm numru ta’ multi oħra li kienu dikjarati eċċessivi mill-Qorti tal-Appell, fejn dawn il-multi tnaqqsu bi tmien darbiet. Fil-każ tas-Sata Bank, il-multa tniżżlet minn €320,000 tniżżlet għal €68,000.

Jekk fil-ġranet li ġejjin il-qrati jsibu lil dawn in-nies għandhom raġun anki dawn il-flus jittieħdu lura. Għalhekk hemm bżonn it-trasparenza u li l-Bord tal-FIAU jkun approvat mill-parlament.

Dwar is-Central Monitoring Committee, David Agius qal li anki l-membri ta’ dan il-kumitat li jagħtu l-multi għandhom jiddikjaraw il-konflitti. Wasal iż-żmien ukoll li l-laqgħat li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-multi jsiru fil-preżenza tal-persuni li jkunu immultati. Din mhix demokrazija, sostna David Agius, li kompla li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu mill-qorti.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk l-FIAU hix se tagħmel tajjeb għall-multi u għall-ħsara li tkun għamlet lill-persuni innoċenti li tkun immultathom iktar milli suppost? Dawn kif se jkunu kumpensati? Jeħtieġ li n-nies fl-FIAU jkunu nies ta’ kredibbiltà li ma jieħdux passi maż-żgħir iżda jħallu għaddejjin lill-kbar. Hu staqsa jekk hux veru li bank ma kinx investigat u jekk hux veru li persuna li għadu fl-FIAU anki iffirma li l-bank kellu kollox sew.

L-FIAU nefqet €370,000 fi spejjeż ta’ avukati minkejja li li fl-FIAU hemm diversi impjegati li huma avukati. Kif jista’ jkun li bank kbir jeħel multa partikolari u kumpaniji żgħar jeħlu multi enormi? Dan qed iwassal biex in-nies qed titlef il-kredibbiltà f’din l-istituzzjoni tant importanti fil-pajjiż.