Lokali

Jittella’ katavru mill-baħar f’Għawdex

L-Erbgħa waranofsinhar ittella’ katavru mill-baħar fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ, fl-Għarb, Għawdex.

Fi stqarrija il-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-5.00pm ġiet infurmata li kien għadu kemm intlemaħ ġisem ta’ persuna fil-baħar.

Il-Pulizija talbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li minn naħa tagħhom marru fuq il-post, tellgħu l-katavru u ħaduh ix-Xatt tal-Imġarr.

Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-ġisem x’aktarx huwa ta’ raġel, però sa issa għadu mhux identifikat peress li l-ġisem instab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru sabiex tiġi stabbilità l-kawża tal-mewt.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.