Lokali Qorti

Kumpens jitla’ għal €323,944 wara li ntlaqa’ appell mill-familjari ta’ spiżjara li nqatlet f’inċident tat-traffiku fil-Gżira

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Vella laqgħet appell fit-totalità tiegħu mill-familja ta’ Stephanie Rapa li fl-2017 kienet tilfet ħajjitha traġikament wara li kienet ittajret minn karozza fix-Xatt tal-Gżira, liema karozza kienet ikklassifikata bħala d-disa’ l-aktar waħda veloċi fid-dinja.  

Dan wara li l-Ewwel Qorti kienet iddikjarat li t-tort kellu jinqasa bejn is-sewwieq u l-mara. B’din is-sentenza kumpens ta’ €162,000 tela’ għal €323,944.  L-inċident kien seħħ għall-ħabta tat-7.40pm. fejn is-sewwieq kien qiegħed isuq fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema waqt li kien qiegħed dawra bil-vettura tiegħu. Mill-provi irriżulta liu Anthony Chircop kien qed isuq b’veloċita ta’ 140 kilometru fis-siegħa meta laqat lil Rapa li kienet qed taqsam it-tieni karreġġjata.

Hija kienet ġiet ċertifikata mejta fit-8.15pm. ftit minuti wara li seħħ l-inċident fl-età ta’ 30 sena. Il-Qorti qalet li mill-filmat li rat l-impatt kien wieħed vjolenti, u li fih inniffsu, hu prova wkoll tal-veloċita sfrenata li biha kienet qed tinstaq il-vettura, Bl-impatt qawwi l-vittma spiċċat diversi metri ‘l bogħod u għoliet mat-tliet metri.

L-impatt tant kien qawwi li “karozza tinstaq qiesha vleġġa” li ħarġu wkoll l-‘air bags’ bis-sewwieq lanqas biss jaraha taqsam it-triq minkejja l-wisa’ tagħha, fejn il-mara kienet liebsa lbies ċar u t-triq kienet mixgħula sew. Tant kemm kien qawwi l-imġatt li l-l-karozza sofriet ħsara ta’ iktar minn €8,000.

Mill-provi rriżulta liu l-ġenituri dejjem emmnu li binthom ma kinitx taħti u għalhekk appellaw u ngħataw raġun mill-Qorti tal-Appell. Il-kawża kienet saret kontra Chircop u l-kumpanija tal-assigurazzjoni Mapfre Middle Sea, bil-Qorti tordna li dawn iħallsu is-somma ta’ kważi €324,000.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet ordnat li jingħata kumpens ta’ €162,000 lill-ġenituri ta’ Stephanie Rapa, wara li qalet li t-tort kien kemm tas-sewwieq kif ukoll tal-mara li kienet qed taqsam. Issa dan il-kumpens irdoppja. Rapa, li kienet spiżjara, nqatlet b’daqqa ta’ karozza sportiva tal-għamla Nissan GTR nhar id-19 t’Ottubru 2017, waqt li kienet qed taqsam it-triq.

Il-ġenituri ta’ Rapa fetħu kawża għad-danni kontra s-sewwieq, Anthony Chircop ta’ 45 sena, fejn allegaw li binthom inqatlet bi traskuraġni u minħabba nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku. L-Ewwel Qorti kienet qieset għadd ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà fit-triq li qabdu l-inċident, fejn Rapa tidher togħla fl-arja mad-daqqa u tinżel b’saħħa wara l-karozza, li laħqet għaddiet minn taħtha.

Il-Pulizija kienet qalet li l-filmati juru li l-inċident ma seħħx skont kif qalilhom Chircop, li allega li kien qed isuq b’madwar 50km fis-siegħa u li l-vittma qasmitlu minn bejn is-siġar. L-espert imqabbad mill-Qorti spjega li l-mod kif il-vittma ħabtet man-naħa ta’ fuq tal-windscreen jindika li l-karozza kienet qed tinstaq b’iktar minn 100km fis-siegħa.

Kien qal ukoll li l-marki li jidhru mal-art, u li jtulu 40 metru, mhumiex marki tal-brejk, imma sinjali li jagħmlu t-tyres meta karozza sportiva ta’ din ix-xorta tibda tgħaqqadhom. Qal li dan ifisser li fil-ħin tal-inċident is-sewwieq kien qed iżid il-veloċità, u mhux inaqqasha.

Chircop kien iddeffenda ruħu billi qal li huwa impossibbli li l-karozza tilħaq dik il-ħeffa f’din il-parti tat-triq, l-espert imqabbad mill-Qorti qal li din hija d-disa’ l-iktar karozza li tiġri fid-dinja u ttella’ veloċità minn 0 sa 60 fi 2.8 sekondi. L-Ewwel Qorti, dak inhar preseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri, kienet iddikjarat li t-tort għall-inċident kellu jinqasam nofs bin-nofs bejn is-sewwieq u l-vittma.

Il-Qorti tal-Appell iżda varjat s-sentenza fejn qalet li huwa minnu l-vittma qassmet minn triq traffikuża u mhux minn fuq it-“Traffic Lights” imma minkejja li huwa veru li t-triq tintuża għall-karozzi, imma mhux biex jinstaqu b’dik il-veloċità. U punt ieħor qalet il-Qorti li l-vittma qatt ma bassret li mit-triq kienet se tgħaddi d-disa’ karozza l-aktar veloċi fid-dinja.

Is-sentenza tgħid li l-Ewwel Qorti ma tatx piċ biżżejjed fuq il-veloċità li kien għaddew biha s-sewwieq. Dan qalet il-Qorti kien qed jitkessaħ f’post abitat u li kien qed jimmaġina li għaddej minn xi ‘highway’. Għall-familja tal-vittma dehret l-Avukat Sarah Mifsud.