Lokali Parlament

L-għażla tal-Bord tal-FIAU għandha tkun bla ħabi

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal fil-parlament li l-għażla tal-Bord tal-FIAU għandha tkun trasparenti.

Karol Aquilina qal li fl-aħħar 10 snin kulħadd sema’ bl-FIAU u sostna li l-FIAU topera fuq il-gwida li jistabilixxi l-Ministru tal-Finanzi għalkemm din topera b’mod indipendenti. Hu tkellem dar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-FIAU u spjega li dan il-bord jingħażel mill-ministru wara li jkunu preżentati listi minn ħames entitajiet differenti.

Fl-2017 meta kien hemm nuqqasijiet serji mill-FIAU kienu tqanqlu l-mistoqsijiet dwar kif ingħażlu l-membri tal-Bord. Dak iż-żmien, il-Ministru tal-Finanzi qal biss li kien aġixxa skont il-liġi u appunta l-Bord tal-FIAU għaliex kull informazzjoni oħra kienet kunfidenzjali.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-Bord tal-FIAU kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta li suppost kien f’lista ta’ tliet persuni nominati. Il-Ministru kellu dritt jagħżel lil Silvio Valletta iżda tagħmel differenza jekk dan kienx fil-lista waħdu jew kinx f’lista ma’ persuni oħra kompetetenti.

Karol Aquilina qal li l-parlament għadu sal-lum ma jafx u sostna li jissuspetta li qatt ma kien hemm lista u li Silvio Valletta kien appuntat direttament. Il-Ministru issa qed jipproponi li s-seba’ membri tal-Bord jibqgħu seba’, li jinkludu lill-Kummissarju tal-Pulizija jew rappreżentatnt, lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni jew rappreżentant waqt li għall-Bank Centrali, għall-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji u għall-Awtorità dwar il-Logħob trid tkun preżentata lista lill-ministru u jkun il-ministru jagħżel persuna waħda minn kull awtorità

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni mhix sodisfatta b’din il-bidla għax xorta se jibqa’ l-element tal-ħabi. Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf li l-ministru qed jieħu d-deċiżjonijiet tajbin. Biex dan isir irid ikun hemm it-tliet ismijiet magħrufa. Il-ministru għandu jaċċetta li wara li ssir l-għażla tal-persuna, l-ismijiet kollha suġġeriti jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Karol Aquilina kompla li dan ikun importanti għall-kredibilità tal-FIAU u sostna li hi bis sit-trasparenza li tagħti rispett tal-pubbliku lill-istituzzjonijiet. Hu qal li l-gvern jaf kemm għaddew sitwazzjonijiet gravi fil-konfront tal-istituzzjonijiet fil-pajjiż u għalhekk il-gvern għandu jaċċetta din il-proposta.