Internazzjonali

L-Indja: Kienet qrib ħafna ta’ ‘gwerra nukleari’ mal-Pakistan

L-Indja u l-Pakistan kienu waslu ‘qrib ħafna’ ta’ konfront miġġieled bin-nukleari’, fi Frar tal-2019. Dan qalu l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, permezz tal-ktieb ġdid tiegħu bl-isem Never Give An Inch, fejn hu jiddettalja l-esperjenzi personali tiegħu f’dan il-kariga.

Pompeo qal li din is-sitwazzjoni tal-waħx kienet viċin ir-realtà wara li, fl-2019, il-militanti Iżlamiċi użaw l-artijiet tal-Pakistan għal rejd fit-territorju Indjan ta’ Kashmir u li fih inqatlu 40 suldat. L-Indja, imbagħad wettqet attakk fuq il-militanti fil-Pakistan u bil-Pakistani jgħidu li kienu waqqgħu żewġ ajruplani militari tal-Indjani filwaqt li ħatfu l-pilota ta’ fighter-jet bħala priġunier.

L-Indja u l-Pakistan it-tnejn qed jgħidu li r-reġjun ta’ Kashmir huwa tagħhom iżda fil-verità kull pajjiż qed jikkontrolla biss parti minnu. L-Indjani anki ilhom jakkużaw lill-Pakistan b’li qed iżomm lit-terroristi Iżlamiċi f’artu, bil-Pakistani jiċħdu li dan hu minnu.

U waqt li l-Indja u l-Pakistan kienu ġġieldu tliet gwerer mill-1947 ‘il hawn, il-konflitti kollha, ħlief għal waħda, kienu dwar il-kwistjoni ta’ Kashmir.

Min-naħa tiegħu, Pompeo qed jgħid, permezz tal-ktieb, li ‘ma jaħsibx li d-dinja taf kemm ir-rivalità bejn dawn il-pajjiżi kienet tassew qrib ta’ splużjoni nukleari matul ix-xitwa tal-2019’.