Lokali Parlament

Se nibqa’ nkun il-vuċi tan-nies

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-parlament li kienet se tibqa’ tkun il-vuċi tan-nies billi tibqa’ titkellem fuq diversi kwistjonijiet li jolqtuhom.

Fl-Aġġornament tal-parlament, Graziella Galea qalet li f’dawn il-ġranet għalqet sena bħala deputat u sostniet li din hi responsabbità għall-Maltin u għall-pajjiż. Hi kompliet li kienet u se tibqa’ l-vuċi tal-elettorat u li hekk se tibqa’ tagħmel.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li bħala Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà u l-Inklużjoni hi qed tagħmel laqgħat regolari mas-settur biex dan jitmexxa ‘l quddiem.

Graziella Galea semmiet id-diversi interventi li għamlet fil-parlament fl-aħħar sena u qalet li tkellmet dwar l-IVF fejn ma kinx faċli għaliex hi għaddiet minn dan il-proċess iżda kien fid-dover tagħha li titkellem. Minkejja l-avvanzi li saru għad fadal ħafna x’isir biex is-servizz jitjieb u biex titnaqqas it-tbatija ta’ dawk kollha involuti waqt li l-ħajja tkun protetta.

Hi semmiet l-oġġezzjoni tagħha għall-abort fejn qalet li kienet, għadha u se tibqa’ favur il-ħajja. Id-deputat Nazzjonalista kompliet li se tkompli tipproġeti l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.

Hi qalet li fl-aħħar sena għamlet iktar minn 400 mistoqsija parlamentari bl-iskop li tinħareġ iktar informazzjoni li ma tkunx pubblika. Fost dawn kien hemm dwar il-parkeġġ ta’ taħt l-iskola tal-Qawra li dwaru għad m’hemmx risposta meta se jintefaħ.

Hi staqsiet ukoll dwar il-hub għall-persuni b’diżabbiltà fin-Naxxar li baqa’ ma sarx, intilfu l-fondi tal-UE għalih u issa l-gvern qed jgħid li se jibdel il-kunċett tiegħu.

Suġġetti oħra li staqsiet dwarhom kienu kienu l-ħtieġa ta’ investiment f’ċertu siti storiċi bħal Forti Campbell, iż-żona ta’ Selmun u l-Palazz ta’ Selmun, il-hub reġjonali tas-saħħa fit-tramuntana ta’ Malta u s-sitema ta’ riċiklar tal-fliexken tal-plastik.

Graziella Galea qalet li l-poplu ma kienx mgħarraf sew bis-sistema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart u sostniet li din il-bidla ħadet is-sistema lura flok ‘il quddiem. Hi tkellmet ukoll dwar is-sigurtà fit-toroq fejn appellat biex jittieħdu l-passi neċessarji biex ikunu evitati l-imwiet. Hi appellat ukoll biex ikun hemm il-kontrolli u l-azzjonijiet neċessarji dwar in-nuqqas ta’ sigurtà f’ċertu lokalitajiet fosthom dawk tat-tramuntana.