Futbol Sport

Skiing: Shiffirin tirbaħ l-84 kompetizzjoni personali fit-Tazza tad-Dinja

Fi Kronplatz, fl-Italja fil-giant slalom, Mikaela Shiffrin tal-Istati Uniti rebħet l-84 kompetizzjoni tagħha fit-Tazza tad-Dinja tas-skiing sabiex qabżet lil Lindsey Vonn wkoll tal-Istati Uniti.

Shiffrin,ta’ 27 sena, erba’ darbiet champion tad-dinja fi klassifika ġenerali, għamlet l-aktar ħin veloċi fl-ewwel prova fejn kienet 0.13 sekondi aħjar minn Lara Gut-Behrami tal-Iżvizzera.

Shiffrin, saħħet il-vantaġġ tagħha fit-tieni prova b’distakk ta’ 0.32 sekondi fuq Gut-Behrami.

Shiffrin tittama li tilħaq lill-Ingemar Stenmark tal-Iżvezja li fil-karriera fit-Tazza tad-Dinja rebaħ 86 kompetizzjoni bejnis-snin ’70 u ‘80.

Mikaela Shiffrin, hija rebbieħa wkoll ta’ żewġ medalji tad-deheb fl-Olimpjadi tax-Xitwa. L-ewwel medalja tad-deheb rebħitha ta’ 18-il sena u 345 ġurnata fl-2014 fl-Olimpijadi ta’Sochi, fir-Russja.