Lokali

Taħt Owen Bonnici, il-PBS tiċċensura l-istqarija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-istess Ministru

Owen Bonnici, bħala l-Ministru responsabbli mix-Xandir tal-Istat, uża l-poter politiku tiegħu biex l-aħbarijiet tal-PBS iwaqqaf għal kollox milli jippublika stqarrija maħruġa jumejn ilu mill-Partit Nazzjonalista.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra kif ukoll il-Kelliem għax-Xandir Nazzjonali għall-Isport Graham Bencini.

Dan wara li l-Partit Nazzjonalista żvela kif Owen Bonnici issa qed jhedded lill-ħaddiema fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, fosthom lill-impjegati ta’ Heritage Malta, fejn permezz ta’ memo interna ġew mhedda li għandhom iżommu għalihom biss kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jirċievu u li jekk ma jagħmlux hekk, se jispiċċaw vittmi ta’ proċeduri dixxiplinarji kontra tagħhom “minħabba mġiba ħażina ħafna”.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa x’inhu l-bżonn li tinħareġ dan it-tip ta’ memo jekk mhux għax il-Ministru jaf li qed jiġru affarijiet li ma jridx li l-poplu jsir jaf bihom jew għax qed jibża’ li se jerġa’ jinqbad fi skandlu ieħor. U dan wara li l-istess Owen Bonnici inqabad jirranġa kuntratt minn taħt għal ristorant f’Palazzo Vilhena fl-Imdina, wara li ħalla lil sieħbu l-Ministru Anton Refalo jżomm oġġett storiku fejn il-pool tad-dar, wara li naqas milli jieħu azzjoni immedjata favur vittma ta’ abbuż sesswali fil-Malta Philarmonic Orchestra u wara li jħalli żviluppi jsiru kontra l-pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, fost oħrajn.

Għall-Partit Nazzjonalista, dan mhux aċċettabbli u jistenna li Owen Bonnici ma jużax ix-Xandir Pubbliku, li tiegħu hu politikament responsabbli bħala Ministru, għal skopijiet personali. Barra minhekk, it-tmexxija tal-PBS m’għandha qatt taċċetta li tibqa tintuża’ politikament mill-gvern ta’ Robert Abela.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti mat-tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS biex ixandar l-istqarrija li ċċensura mill-aktar fis, skont l-obbligi tiegħu ta’ xandir ħieles, indipendenti u mparzjali.