Futbol Sport

‘X’Sar Minnhom?’ | It-tieni Għawdxi fl-istorja li rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA

Shaun Bajada kien wieħed mill-mistiedna li dehru s'issa fis-seba' staġun ta' 'X'Sar Minnhom?' f'Replay Preview, fuq Net Television

L-eks plejer internazzjonali, Shaun Bajada kien wieħed mill-mistiedna riċenti tal-programmi Replay fuq Net Television, meta tkellem f’intervista interessanti fir-rokna tant popolari ma’ dawk li jħobbu l-istorja mill-passat tal-futbol Malti, ‘X’Sar Minnhom?’.

Bajada hu l-aħħar plejer minn Għawdex li sal-llum irnexxilu jirbaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA. L-eks plejer ta’ diversi klabbs, rebaħ dan l-unur tant prestiġjuż fit-tmiem tal-istaġun 2009/10 meta kien ma’ Birkirkara. Dan kien staġun memorabbli għal Bajada għaliex kien irnexxilu jirbaħ ukoll l-ewwel Kampjonat Premier tal-karriera tiegħu.

Shaun Bajada jirċivi l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA, fit-tmiem tal-istaġun 2009/10

Qabel dak l-istaġun, kien hemm darba oħra fejn ir-rebbieħ tal-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA kien ukoll plejer Għawdxi. Fit-tmiem tal-istaġun 1974/75, l-eks plejer ta’ Valletta, Eddie Vella kien l-ewwel plejer minn Għawdex li rebaħ dan l-unur individwali mogħti mill-MFA.

Eddie Vella, l-ewwel Għawdxi fl-istorja tal-futbol Malti li rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA

F’Novembru tal-2018, Replay kien intervista ukoll lil Vella,f’waħda mill-ħafna intervisti li saru sal-llum minn Christian Micallef, minn Settembru tal-2015 sal-llum, mir-rokna ‘X’Sar Minnhom?’. AGĦFAS HAWN biex tara l-intervista li kienet saret ma’ Vella.

Bajada llum għandu 39 sena, u preżentament hu l-plejer-kowċ ta’ Qala Saints, fl-ogħla diviżjoni f’Għawdex. Fil-karriera ta’ kowċ, għalkemm għadu bidu, Bajada qed jirnexxilu jikseb riżultati pożittivi fil-gżira tat-tliet għoljiet, tant li preżentament, it-tim tiegħu jinsab l-ewwel fil-klassifika, bl-istess ammont ta’ punti daqs Nadur Youngsters.

Mhux hekk biss, iżda fl-istadju tal-aħħar 32 tim tal-IZIBET FA Trophy, Qala Saints taħt it-tmexxija ta’ Bajada rrnexxilhom javvanzaw rawnd minn din il-kompetizzjoni u fl-istadju tal-aħħar 16, huma se jkunu qed jilgħabu kontra Gżira United, nhar il-Ħamis, 9 ta’ Frar.

F’Lulju tal-2015, Shaun Bajada kien parti mill-iskwadra ta’ Birkirkara li għoddhom eliminaw lil West Ham United fil-UEFA Ewropa League.

Christian Micallef iltaqa’ ma’ Bajada, għal intervista oħra interessanti mir-rubrika tant popolari mill-passat tal-futbol Malti, ‘X’Sar Minnhom?’, fil-programm tal-Ġimgħa filgħaxija, Replay Preview fuq Net Television.

Ritratt meħud fl-2012, u li żgur inissel memorji ta’ żmien sabiħ, ta’ meta Shaun Bajada kien wieħed mill-plejers tat-tim nazzjonali u bħala Kit Manager ta’ Malta kien hemm il-mibki Mark Piscopo, magħruf aħjar bħala ‘il-Lullu’.

F’din l-intervista, li saret fir-restorant Cheekey Monkey, Bajada jitkellem dwar il-karriera tiegħu bħala plejer, fejn lagħab ma’ Floriana, Marsaxlokk, Msida St. Joseph, Birkirkara, Valletta u Sliema Wanderers f’Malta, kif ukoll ma’ Għajnsielem, Xewkija Tigers u Victoria Hotspurs f’Għawdex, fost l-oħrajn.

Bajada lagħab ukoll xejn inqas minn 33 darba mat-tim nazzjonali Malti.

Sabiex tara din l-intervista kollha ma’ Bajada, u li xxandret f’Replay Preview fuq Net Television, AFGĦAS HAWN.