Żewġ żgħażagħ ta’ 16-il sena, wieħed residenti l-Belt u l-ieħor il-Floriana tressqu l-Qorti b’rabta ma’ l-attakk fil-Belt Valletta s-Sibt filgħaxija li ħalliet żagħżugħ ta’ 15-il sena b’siequ miksura minn żewġt bnadi fejn diġa ġie operat u li għandu jsirlu intervent ieħor. Talba għall-pleġġ kienet miċħuda filgħaxija mill-Qorti biex l-akkużati ntbagħtu il-YOURS fl-Imtaħleb, li hija s-sezzjoni tal-ħabs għall-persuni minorenni.
Huma kellhom jitressqu fis-1:00 pm iżda l-każ ittardja wara li l-Ispettur Kevin Pulis informa lill-Qorti li l-akkużi kienu għadhom ma ġewx ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti minħabba nuqqas ta’ staff. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irreaġixxiet għall-aħbar b’diżappunt, u qalet li se tkun qed tikkomunika mas-CEO tal-Qorti fuq dan il-fatt.
“Kuljum xi ħaġa ġdida,” ikkummentat l-Maġistrat frustrata. Hija osserva li r-reġistru kien għadu miftuħ f’dan il-ħin u li s-seduta ma setgħetx tkompli mingħajr ma l-atti tal-kawża jiġu ddepożitati fil-Qorti. Il-Qorti osservat ukoll li kien hemm ħafna nies fl-awla. Kienu membri tal-familja tal-vittmi, hija ġiet informata. Kien wara nofs inhar li sa fl-aħħare beda l-każ wara ħafna dewmien, każ li ħa madwar sagħtejn.
L-akkużati li isimhom ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti peress li huma taħt l-età, dehru kalmi fil-Qorti hekk kif l-Erbgħa waranofsinhar inqraw akkużi kontrihom. Wieħed mill-adoloxxenti li huwa residenti il-Floriana qal li jaħdem f’Supermarket. L-ieħor ddikjara li hu bla xogħol. Huma flimkien qed jiġu akkużati b’aggressjoni, li kkawżaw lil persuna ġrieħi gravi, insulti u theddid. It-tnejn ġew mixlija wkoll separatament li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq persuna.
Huma ġew akkużati b’ħames akkużi dik liu fil-21 ta’ Jannar li għadda għall-ħabta tal-11pm u qabel, fi Triq il-Merkanti l-Belt mingħajr il-ħsieb li joqtlu, ikkaġunaw ferita gravi fuq żagħżugħ ieħor. Ġew akkużati wkoll li bl-imġieba tagħhom, kkaġunaw lil ħames minuri, biża li se tintuża vjolenza kontrihom, li ħebbew għalihom u nsulti bil-kliem. Huma ġew akkużati wkoll li kkaġunaw feriti ħfief fuq uħud miill-allegati vittmi.
Minħabba li għandhom 16-il sena, ġew akkużati bħala minorenni, jiġifieri se jiffaċċjaw piena mnaqqsa jekk jinstabu ħatja. Il-Prosekuturi iżda qalu li fatturi aggravanti fir-reat iżidu s-sentenzi tal-akkużati, jekk jinstabu ħatja. It-tnejn wieġbu mhux ħatja u talbu l-ħelsien mill-arrest. Deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għal pleġġ hija mistennija aktar tard l-Erbgħa. Il-Pulizija ħabbret li kienet arrestat lit-tnejn it-Tlieta filgħaxija.
Waqt li kien qed jitkellem fil-Qorti, l-Ispettur Daryl Borg qal lill-Qorti li wieħed mill-akkużati nstab id-dar, filwaqt li l-ieħor kien akkumpanjat l-għassa minn missieru. It-tnejn ma kinux koperattivi, qal sieħbu l-Prosekutur Kevin Pulis fil-Qorti. Ħareġ ukoll li l-Pulizija qed tfittex żagħżugħ ieħor b’rabta ma;’ dan il-każ.
Il-każ kaxkar ħafna peress li l-ewwel kien hemm kontestazzjoni minħabba l-validita tal-arrest, bil-prosekuzzjoni u d-difiża jagħmlu l-argumenti tagħhom filwaqt li wara saru l-argumenti dwar il-ħelsien mill-arrest fejn punt lki tqajjem kien li l-akkużati għad għandhom 16-il sena u għalhekk huma taħt l-età.
Il-Qorti qalet li hija hawn ma taqbilx mal-liġi kif inhi fejn ta’ 16-il sena wieħed jista’ jivvota, joħroġ għall-Kunsilli Lokali, jiżżewweġ u jibda negozju, u fejn titħol il-Qorti dan ma jreġiex, għax għadhom meqjusa bħala minorenni. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kevin Pulis u Darryl Borg. L-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Arthur Azzopardi u Jacob Magri assistew lill-akkużat. L-Avukat Stefano Filletti, Charles Mercieca u Giannella De Marco qed jassistu lill-vittmi.