Internazzjonali

Dalgħodu komplew l-attakki tar-Russi fuq l-Ukrajna; sparati 30 missila

Waqt li rringrazzja lill-Punent għall-appoġġ militari li se jingħata lill-Ukrajna, il-President Zelensky insista li t-tankijiet tal-gwerra għandhom jitwasslu minghajr telf ta’ żmien.

Fil-messaġġ li wassal tard bil-lejl, Volodymyr Zelensky appella wkoll lill-pajjiżi tal-Punent biex apparti it-tankijiet tal-gwerra jibgħatu fighter jets u missili li jisparaw fuq distanza twila.

Analisti internazzjonali qed jgħidu li l-mossa tat-tankijiet diġa’ qed tidher riskjuża, u allura qed jeskludu xenarju fejn jintbgħatu ajruplani tal-gwerra. Dan għaliex il-fighter jets possibbilment jintużaw biex jidħlu fit-territorju Russu.

Dwar it-tankijiet tal-gwerra, il-kelliem ta’ Putin stqarr li din hija biss provokazzjoni, u li l-armata Russa se teqred it-tankijiet kollha li jibgħatu l-Ġermaniżi u l-Amerikani.

Fil-fatt, dan is-sens ta’ ritaljazzjoni deher ukoll fl-attakki li seħħew kmieni l-Ħamis filgħodu fejn ir-Russi sparaw aktar minn 30 missila. Bl-awtoritajiet Ukreni jappellaw lin-nies biex jibqgħu fix-xelters u jevitaw milli joħorġu fit-toroq.

Il-President Amerikan minn naħa tiegħu wieġeb għall-akkużi tar-Russja u qal li l-appoġġ bit-tankijiet tal-gwerra ma jfissirx theddid imma huwa turija li n-NATO se tkun ta’ sostenn għal Kiev.

Intant fi żvilupp separat, il-UNESCO iddikjarat li l-belt Ukrena ta’ Odesa hija belt ta’ valur storiku dinji li qed titpoġġa’ f’riskju minħabba l-attakki tar-Russi. Il-Kremlin kritika b’saħħa din il-mossa tal-UNESCO, u qal li kienet motivata politikament.