Lokali

“Grazzi lill-Maltin” – Suldati Ukreni jingħataw il-kura f’Malta

Vitaly Tarusin ta’ 32 sena minn Kharkiv – jaħdem bħala interior designer. Andriy Kolovanov ta’ 45 sena oriġinarjament minn Donetsk – għalliem tal-edukazzjoni fiżika.

Malli faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna u bdiet l-invażjoni Russa fi Frar tal-2022 iż-żewġt irġiel iddeċidew li jitilqu kollox u jingħaqdu mal-armata Ukrena sabiex jiddefendu lill-art twelidhom … għall-familja u l-ġid u l-futur ta’ uliedhom.

F’Ottubru, wara 9 xhur maqtugħin minn familthom jiġġieldu fil-ħruxija tal-gwerra – Vitaly u Andriy indarbu serjament f’żewġ inċidenti separati fejn spiċċaw b’parti minn riġlejhom amputati.

Bħala parti minn ‘Project Renew’ flimkien fost l-oħrajn ma’ MCOP u Steward HealthCare u l-NGO Future For Ukraine dawn l-irġiel Ukreni inġiebu Malta sabiex jingħataw l-kura neċessarja – l-ewwel żewġ suldati minn 24 vittma tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa li se jkunu qed jiġu assistiti f’pajjiżna.

Net News tkellem ma’ Vitaly u Andriy fejn saħqu li ma ħasbuhiex darbtejn biex jingħaqdu mal-armata malli faqqgħet l-invażjoni Russa…iżda staqrrew li dan il-pass kien daqsxejn diffiċli għal qrabathom.

Huma stqarrew ma’ Net News li fil-gwerra …huwa l-ħsieb tal-familja li tħalli warajk illi jżommok ħaj.

Huma insistew li l-Ukrajna se tirbaħ il-gwerra iżda saħqu li għandhom bżonn ta’ għajnuna minn pajjiżi oħra. Dan filwaqt li rringrazzjaw lil Malta u l-Maltin talli laqgħuhom.

Vitaly u Andiry qed jiġu kkurati mit-timijiet fi ħdan l-Orthotics and Prostherics Unit u ċertament li din il-kollaborazzjoni se tkun qiegħda tgħin lil aktar familji Ukreni li preżentament qed iħabbtu wiċċhom mal-orrur li ġġib magħha l-gwerra.