Internazzjonali

Il-Ġappun: Jagħlqu l-iskejjel fost theddid anonimu lill-istudenti u l-għalliema

Il-Pulizija Ġappuniża qed tfittex għal persuna li bagħtet messaġġi ta’ theddid lil mijiet ta’ skejjel – bil-konsegwenza li dawn il-kumplessi kellhom jagħlqu għal raġunijiet ta’ sigurtà.

It-theddid kontra l-ħajja tal-istudenti u l-għalliema waslu fil-forma ta’ fax lill-ogħla skejjel u universitajiet, bl-aggressur potenzjali jwissi wkoll dwar ‘splużjonijiet potenzjali’. Min-naħa tagħhom, il-pulizija qalu li l-messaġġi ntbagħtu minn numru reġistrat f’Tokjo. Dan meta l-magni tal-fax għadhom qed jintużaw regolarment fil-Ġappun.

Intant, ma nstabu l-ebda splussivi fl-iskejjel wara tfittxija waqt li ma saru l-ebda attakki fuq l-istudenti jew l-istaff tal-iskejjel.

It-theddid bil-bombi hu fenomenu pjuttost rari fil-Ġappun, bl-ewwel mewġa ta’ messaġġi jibdew jaslu lill-iskejjel u l-universitajiet tal-pajjiż min-nhar it-Tnejn.

Ingħad li fid-distrett ta’ Saitama biss kien hemm ‘il fuq minn 170 skola li rċeviet it-theddid kontra l-ħajja tal-istudenti – b’messaġġ ieħor jirreferi ‘għat-tqegħid ta’ aktar minn 300 bomba f’numru ta’ skejjel’. Dan waqt li xi messaġġi inkludew i- talbiet għall-ħlas ta’ rahan ekwivalenti għal eluf ta’ ewro.

Messaġġi anonimi oħra enfasizzaw ‘il-pjani għall-qtil tal-għalliema u l-istudenti fl-iskejjel’, b’dawn jintbagħtu lill-awtoritajiet fil-qasam tal-edukazzjoni f’Osaka, kif ukoll f’Saitama u Ibaraki, viċin ta’ Tokjo.

Filwaqt li l-awtoritajiet tal-iskejjel iddeċidew li jagħlqu dawn il-kumplessi bħala prekawzjoni, ħafna mill-iskejjel laħqu fetħu mill-ġdid aktar kmieni llum.