Lokali

Il-Kumpanija Gozo Channel tkompli tinvesti f’servizz ta’ kwalità

Ritratt: CVC Media

Wara li fl-aħħar snin il-Kumpanija Gozo Channel imbarkat fuq pjan ta’ titjib fil-kwalita’ tas-servizzi tagħha, mill-24 ta’ Jannar 2023, introduċiet sistema elettronika ġdida għall-bejgħ ta’ biljetti. Dan huwa pass li jikkumplimenta inizjattivi oħra importanti li ħadet il-kumpanija fil-passat riċenti bil-għan li toffri l-aħjar servizz għall-klijenti tagħha. Fuq quddiemnett kien hemm il-kiri tar-raba’ vapur. Minn meta ġie mikri dan il-vapur, il-ħin ta’ l-istennija tal-passiġġieri biex jagħmlu l-vjaġġ, naqas sostanzjalment. Ir-raba’ vapur ta wkoll lill-Kumpanija flessibilta’ ikbar biex fi ġranet ta’ domanda għolja, iżżid il-vjaġġi iktar minn dawk li huma normalment skedati.

Bħala parti minn dan il-vjaġġ ta’ titjib fil-kwalita’ tas-servizz, il-Gozo Channel qegħda issa tintroduċi sistema ġdida ta’ biljetti elettroniċi u li daħlet fis-seħħ mill-24 ta’ Jannar 2023. Is-sistema se tkun aċċessibbli għal gruppi differenti ta’ klijenti, fi żmienijiet differenti u se tkun qed titwettaq f’żewġ fażijiet. Dan sar bil-għan li t-twettieq ikun strutturat u indirizzat lejn gruppi differenti ta’ klijenti – b’sistema ta’ informazzjoni li fl-ewwel fażi taħseb f’setturi tan-negozju, filwaqt li fit-tieni fażi tagħha tindirizza lill-klijenti tal-Kumpanija in ġenerali.

Il-Kumpanija se jkollha sistema moderna ta’ informazzjoni li fuqha se tibbaża l-bejgħ tal-biljetti, u li se tieħu post is-sistema li kienet twettqet fis-sena 2000. Is-sistema l-ġdida hija mibnija skont l-iktar sistemi moderni ta’ sigurta’ u flessibilta’ f’dawk li huma riżorsi tagħha biex tilqa’ għal tibdil fil-bżonnijiet ta’ kumpanija. Is-sistema ġdida, FerryCloud, hija cloud-based u l-informazzjoni hija maħżuna f’żewġ data centres, b’garanzija ikbar għall-kontinwita’ tan-negozju tal-Kumpanija u għas-servizz lill-klijenti.

Fl-ewwel fażi ta’ twettiq, is-sistema tintroduċi wkoll pjattaforma business to business, għal xiri onlajn li qeghda tigi introdotta gradwalment F’din l-ewwel fażi, ix-xiri onlajn jista’ isir permezz ta’ cards ta’ kreditu jew ta’ debitu. F’din l-ewwel fażi, il-Kumpanija Gozo Channel se tkun qegħda tibdel il-Frequent Travel Cards u d-Daily Commuter Cards li jintużaw mill-klijenti tagħha, sabiex dawn ikunu jaqblu mas-sistema l-ġdida. Dan qed isir ukoll bi tħejjija għat-tieni fażi tas-sistema, meta se jidħlu sistemi ta’ xiri ta’ biljetti onlajn maħsuba għall-konsumatur in ġenerali, business to consumer.

Il-Kumpanija Gozo Channel infurmat lill-klijenti tagħha b’dan it-tibdil u partikolarment lil dawk li għandhom Frequent Travel Cards u Daily Commuter Cards sabiex japplikaw għall-cards il-ġodda li bdew jintużaw mill-24 ta’ Jannar 2023. Il-Kumpanija se tkun qed tagħti rifużjoni tal-kreditu mhux użat li jibqa’ fuq il-cards il-qodma. Anke biljetti mhux użati, mixtrija minn operaturi turistiċi qabel l-24 ta’ Jannar 2023, u li huma validi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti tal-Kumpanija, tapplika rifużjoni għalihom.

It-tieni fażi tas-sistema elettronika għall-bejgħ ta’ biljetti tal-vapur se titwettaq iktar tard fl-2023 u se tinkludi kont personalizzat e-Wallet, smart card, u tap and go, fost faċilitajiet oħra għall-klijenti.

Il-Kumpanija Gozo Channel ħejjiet b’mod estensiv biex iddaħħal is-sistema FerryCloud b’mod effiċjenti u u tnaqqas kemm jista’ ikun problemi li jinqalgħu waqt it-twettieq tas-sistema. Il-Kumpanija twiegħed kull assistenza meħtieġa lill-klijenti tagħha f’dan it-tibdil, filwaqt li tapprezza l-kollaborazzjoni tal-klijenti tagħha biex is-sistema tidħol fis-seħħ b’suċċess.