Lokali

Il-Ministru tat-traffiku jaħrab mid-domandi tal-media u jagħlaq il-bieba fuq il-ġurnalist

Tul promenade sħiħa hemm tliet bins

Fl-aħħar 9 xhur kemm ilu responsabbli mill-Ministeru li wiret mingħand Ian Borg – il-pajjiż għadu qed jistenna diversi risposti mingħand il-Ministru Aaron Farrugia. Iżda b’mod mill-aktar ċar jidher li huwa skomdu biex iwieġeb lill-ġurnalisti. Dan wara li l-Ħamis filgħodu Farrugia inawgura parti mir-riġenerazzjoni tal-promenade tal-Msida fejn wara li ġiet fi tmiemha l-konferenza tal-aħbarijiet li ġiet msejħa minnu nnifsu, Net News prova jagħmel numru ta’ domandi lill-Ministru.

Iżda għas-sempliċi mistoqsija “fejn huma l-bins” tul din il-mhedda bankina, Aaron Farrugia għażel li jiġri lejn il-karozza, isabbat il-bieba, u jaħrab.

Domanda leġittima fejn seta’ jgħidilna liberament li hemm tliet bins.

Iżda ċertament Net News kellu ħafna aktar domandi x’jagħmel lill-istess Ministru fosthom b’rabta mas-sigurtà ta’ uliedna…fejn minkejja li l-proġett huwa inawgurat għad kemm kamra miftuħa; ta’ periklu għat-tfal li jkunu mexjin tul il-promenade.

Domandi oħrajn kienu dawk biex hu jiċċara dak li qal tul l-intervista mat-Times, fosthom fejn kien fi ħsiebu jagħmel Bus Lane – proprju f’dik it-triq li kien preżenti fiha – kif ukoll jaħsibx li sieħbu Byron Camilleri għandux jirriżenja wara li għal darb’oħra mar żmerċ fuq il-ġudizzju tiegħu dwar id-Direttur tal-Ħabs.

Ridna wkoll nistaqsuh jekk hux se jaċċetta stedina li għamilnilu għal dibattitu fil-programm NETLIVE u li s’issa injora għal kollox.

Iżda dan u aktar il-Ministru Aaron Farrugia ma riedx jisimgħu u minflok għażel li jagħlaq il-bieba fuqna darbtejn u jsib refuġju fil-karozza ministerjali.