Lokali

Il-President ta’ Malta b’messaġġ ieħor kontra l-abort lejlet it-tifkira tal-Olokawst

Waqt ċ-ċerimonja annwali tat-Tifkira tal-Olokawst fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta, George Vella reġa’ wassal messaġġ qawwi favur il-ħajja…u kontra l-abort.

“Miljuni ta’ trabi mhux imwielda qed jinqatlu qabel biss ikollhom il-possibbiltà li jaraw id-dawl tal-jum,” qal il-President Vella. “Miljuni oħra qegħdin jgħixu fl-aktar kundizzjonijiet miżeri, mingħajr l-essenzjali bażiċi għal ħajja dinjituża, mgħaddsa fil-faqar, b’nuqqas ta’ ikel, fi stat dejjiemi ta’ malnutrizzjoni, mingħajr lanqas l-aktar servizzi bażiċi tas-saħħa u bl-ebda servizz tal-edukazzjoni.”

Pajjiżna fakkar dan il-jum flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej, bil-President ta’ Malta, George Vella nnota li 80 sena wara l-Olokawst, għadu qed jara li qed tkun applikata l-mentalità ta’ mewt, tjassir u karatteristiċi ta’ politika li nibtu f’dak iż-żmien. Liema żmien kien ra l-qerda ta’ miljuni ta’ nies innoċenti.

Il-President żied jgħid li l-ironija ta’ dan kollu hu li f’ħafna każijiet wieħed ikun qed jgħix f’pajjiżi għanja fir-riżorsi, li sfortunatament qed jiġu sfruttati minn interessi kummerċjali multinazzjonali u politika ta’ regħba.

Kien għalhekk li George Vella appella biex wieħed iwarrab il-politika tal-firda u minflok jippromwovi l-politika tal-paċi, id-djalogu u l-inklużjoni.

Intant, id-dinja bdiet tfakkar l-Olokawst, fejn ta’ kull sena in-nies jirriflettu fuq il-ġenoċidu tat-Tieni Gwerra Dinjija li rriżulta fl-imwiet ta’ sitt miljun Lhud u 11-il miljuni persuna oħra taħt idejn ir-reġim Nażista ta’ Adolf Hitler.

Dan il-jum ikun imfakkar biex in-nies iqumu kontra min jipprova jqajjem it-tensjoni u l-inkwiet qalb is-soċjetà sabiex ma nerġgħux naraw ġenoċidju ta’ dak it-tip. It-tema li ntgħażlet għal din is-sena hi ‘Home and Belonging’.

Matul il-jum, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola għamlet diskors fejn qalet li huwa diffiċli li tħoss minn xiex verament għaddew dawk kollha li esperjenzaw l-Olokawst.

“We must speak because despite decades of effort, anti-Semitism still exists,” qalet il-President Metsola. “Hate still finds too many voices excusing it. Too many families in Europe and around the world live with packed suitcases by their door. We cannot allow anyone to find comfort in ignorance.”

Roberta Metsola qalet li l-ġenerazzjoni t’issa għandha responsabbiltà li tibqa’ tfakkar dak li seħħ fi żmien in-Nazzisti biex wieħed ma jinsiex minn xiex ghaddiet id-dinja. U b’hekk ma nerġgħux ngħaddu mill-qerda ta’ miljuni ta’ persuni.