Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Palestinjani maqtula waqt rejd mill-qawwiet Iżraeljani f’Jenin

Talanqas disa’ Palestinjani nqatlu waqt rejd mill-militar Iżraeljan f’Jenin u bnadi oħra tax-Xatt tal-Punent. Intant, il-militar ta’ Iżrael qal li kellu jieħu din l-azzjoni biex jevita sensiela ta’ attakki fuq ċivili u suldati Iżraeljani li kellhom jitwettqu minn skwadra ta’ terroristi mal-grupp Ġiħad Islamiku Palestinjan.

Qed jingħad li fost il-maqtula f’Jenin kien hemm mara anzjana li nqabdet fl-eqqel ta’ sparatura. Ir-rapporti qalu li f’ħin meta s-suldati kienu qed jippruvaw jarrestaw lil numru ta’ militanti Palestinjani dawn fetħu n-nar fuq il-militar fl-inħawi u spiċċaw maqtula bħala konsegwenza. Kien hemm anki militanti oħra li ċedew lis-suldati fuq il-post waqt li jidher li oħrajn irnexxielhom jaħarbu.

Is-suldati Iżraeljani anki daħlu f’bini biex jinnewtralizzaw xi splussivi li kienu qed jużaw is-suspettati militanti u qabel huma dikjaraw is-sitwazzjoni taħt kontroll.

Il-Ġiħad Iżlamiku Palestinjan qed ikun akkużat dwar sehem attiv u kontinwu fl-ippjanar ta’ terrur kontra ċ-ċivili residenti f’Iżrael.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li waqt ir-rejd kien hemm aktar Palestinjani armati li fetħu n-nar fuq it-truppi  — li min-naħa tagħhom irritaljaw u qatlu wħud minn dawn l-armati. Dan waqt li fl-inħawi nstemgħu anki diversi splużjonijiet.

Intant, stqarrija mill-grupp Hamas tal-Palestinjani militanti li jikkontrollaw il-Medda ta’ Gaza qalu li wħud mill-ġellieda tagħhom kienu wkoll f’Jenin u li dawn kienu nvoluti f’battalji mal-militar Iżraeljan.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministru tas-Saħħa tal-Palestinjani, Mai al-Kaila, qalet li s-sitwazzjoni f’Jenin kienet ‘kritika għall-aħħar’ wara r-rejd waqt li sostniet li kien hemm anki numru sostanzjali ta’ midruba fi bżonn urġenti ta’ għajnuna.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani ma kkummentawx dwar l-istqarrija tal-Ministru dwar allegat inċident fejn it-taqsima tat-tfal fi sptar lokali ntlaqtet mill-gass tad-dmugħ matul ir-rejd.

Dan waqt li l-kelliema għall-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, ikkundanna r-rejd tal-Iżraeljan bħala ‘massakru’ waqt li qalu li ‘id-dinja qed tibqa’ siekta quddiem dawn l-atroċitajiet’.