Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ r-raġel mixli li spara lill-ġar tiegħu lejliet l-Ewwel tas-Sena

Ir-raġel ta’ 66 sena mixli bl-attentat ta’ qtil tal-ġar tiegħu lejliet l-ewwel tas-sena f’għalqa Raħal Ġdid ingħata l-liberta proviżorja mill-Maġistrat Monica Vella, wara diversi ċaħdiet mill-istess Qorti. Martin Delia ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000, liema garanzija għamel tajjeb għaliha ħuh.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni u li l-akkużat irid imur jgħix ma’ ibnu biex ma jkunx fl-inħawi tal-vittma u li bl-ebda mod ma jikkomnunika miegħu jew jersaq lejh. Il-Qorti ordnat lil Delia li jkun id-dar sa l-10pm u ma joħroġx qabel is-6am u li jirraporta l-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid kull nhar ta’ Erbgħa bejn is-6am u s-6pm.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni xehdu oħt il-vittma u żewġha li qalu li huma kien semgħux xi tiri sparati imma ma raw xejn f’dan l-inċident. Raw biss lill-vitmma kollu demm u lill-akkużat u lil ibnu jiġru fid-direzzjoni tad-dar tagħhom. Bidwi minn Raħal Ġdid diġa xehed fl-aħħar seduta fil-Qorti kif il-ġar tiegħu sparalu f’wiċċu lejliet l-ewwel tas-sena. Anthony Azzopardi kien xehed fil-konfront ta’ Martin Delia, li qed ikun akkużat bl-attentat ta’ qtil wara argument li kellu ma’ Azzopardi stess.

Il-vittma kien qal li jgħix fl-għalqa li għandu fl-inħawi taċ-ċimiterju tal-Addolorata, u fil-jum li seħħ il-każ, Delia ċempillu fis-6 ta’ filgħodu minħabba li qallu l-kelb tiegħu qabeż fl-għalqa u ħarbatlu l-basal li żera’. Azzopardi qal li ra lil Delia u lil ibnu fl-għalqa u malli mar jara xi ħsara kien għamlilhom il-kelb, sema’ sparatura u ħass xi ħaġa fuq għajnejh.

Il-vittma kien qal fil-Qorti li meta ddritta sab lill-akkużat bis-senter ippuntat fuqu u sparalu f’wiċċu. It-tieni tir jirriżulta li laqtu f’wiċċu u f’partijiet oħra ta’ ġismu tant li qatta’ jumejn l-isptar għall-kura. Jidher li minħabba dan l-inċident, il-vittma spiċċa bil-problemi fil-viżta filwaqt li qal jinsab imbeżża’ mill-ġar tiegħu tant li l-ħin ikollu jkun irid lil xi ħadd miegħu.

L-avukati tak-AĠ Kaylie Bonnett u Nathaniel Falzon qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati José Herrera, Matthew Xuereb, Daniel Attard, Arthur Azzopardi u Jacob Magri huma l-avukati difensuri. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru bħala parte civile.