Lokali Qorti

Kumpens €615,000 lil familja ta’ Lino Cauchi wara li l-istat falla biex isolvi l-omiċidju tiegħu

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat li l-familja ta’ Lino Cauchi tingħata kumpens ta’ €615,000 wara li ddikjarat li l-istat falla biex jissolva l-omiċidju tiegħu. Għaldaqstant intlaqgħet talba tal-familja tal-vittma li kienu fetħu martu u ibnu fejn kienu, talbu kumpens għax dejjem emmnu li l-istat m’għamilx biżżejjed biex isolvi l-omiċidju tiegħu.

Cauchi, li kien accountant u kellu 32 sena, għeb fi Frar tal-1982, bil-fdalijiet tiegħu jinstabu tliet snin wara ġo bir fil-Buskett. Il-katavru ta’ Cauchi kien instab imqatta’ f’biċċiet. Anna Cassar u Paolo Cauchi, armla u iben l-accountant li d-destin brutali tiegħu ħareġ tliet snin wara l-għajbien misterjuż tiegħu fl-1982, kienu ppreżentaw proċeduri kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru fl-2020, wara ittra ġudizzjarja li għadha naqset milli tirreġistra xi progress.

Huma kienu qalu li l-“falliment traġiku” mill-Istat kien serva biss biex jaċċentwa l-“inġustizzja tremenda” li ġarrbet il-familja li sostniet li d-dritt tagħhom għall-ħajja, għall-familja u għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni kien ġie mittiefes.

Ir-rikorrenti qalu li l-Istat mhux biss naqas milli jipproteġi l-ħajja tal-qarib tagħhom, iżda wkoll li jinvestiga bis-serjetà l-qtil tiegħu, ħa l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li ssir ġustizzja u jagħti kumpens lill-familja li, sal-lum, għadha qed tiffaċċja “immens u konsegwenzi insormontabbli”.

F’sentenza ta’ 65 paġna, il-Qorti sabet li kien hemm nuqqas gravi mill-Pulizija li naqset kemm-il darba li tiftaħ inkjesta maġisterjali wara l-għajbien ta’ Cauchi. Evidenza siewja ma ġietx ippreservata li wasslet biex ċertu evidenza tintilef għal dejjem.

L-Imħallef Francesco Depasquale qal fis-sentenza tiegħu li issa kien prattikament impossibbli għall-familja ta’ Cauchi li jiskopru l-verità u bl-ebda mod ma jista’ jkollhom għeluq fil-każ. L-Istat naqas lill-familja speċjalment fl-ewwel xhur wara l-għajbien,” qalet is-sentenza.

Dwar il-kumpens, l-Imaħħef Depasquale irrefera għall-kawżi Karin Grech u Nardu Debono. Filwaqt li l-werrieta tal-ewwel kienu rċevew €420,000 fl-2010, dawk tat-tieni kisbu €350,000 fl-2003. Cauchi kien wieħed mill-ftit persuni li kellhom il-professjoni ta’ accountants, dak iż-żmien.

L-eks Kummissarju John Rizzo, kien ta x-xhieda tiegħu fil-Qorti fejn qal li daħal fil-każ fl-1996 bħala Spettur tas-CID, flimkien ma’ uffiċjali ta’ Scotland Yard, li kienu qed jinvestigaw każi ta’ qtil mhux solvuti, fosthom ukoll ta’ Karen Grech.

Rizzo, li kien xhud ewlieni fil-każ kien qal li din l-investigazzjoni kienet stabbiliet li Cauchi aktarx inqatel fl-inħawi tal-Camerata fil-Belt Valletta b’tir ta’ pistola f’rasu. Imbagħad ittieħed Wied il-Qlejgħa, magħruf ukoll bħala Chadwick Lakes, u ndifen hemm. Ġara iżda li bix-xita nġarr it-tajn u l-katavru nkixef, għalhekk ittieħed f’razzett tat-tiġieġ fejn huwa mifhum li tqatta’ biċċiet. Minn hemm ittieħed lejn il-Buskett, fejn intrema ġo bir u nstab fl-1985.

Rizzo kien xehed ukoll dwar tagħrif li wasal mingħand Joe Pace, sid tal-Magic Kiosk, li allegatament kien sema’ lil Piju Camilleri jhedded lil Cauchi u jgħidlu “Issa nurik!” Kien ingħad li waqt argument li iktar tard Pace kellu mal-eks Ministru Lorry Sant, dan kien allegatament heddu li se jġiegħel lil Camilleri jagħmillu bħal ma kien għamel lil Cauchi. Camilleri dejjem ċaħad l-akkużi.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti l-klijenti ta’ Lino Cauchi kienu jinkludu grupp ta’ nies konnessi ma’ l-eks Ministru Laburista Lorry Sant. F’Diċembru tal-1981, jiem qabel elezzjoni ġenerali mimlija tensjoni, Cauchi kien imsejjaħ għal laqgħa fl-uffiċċju ta’ Joe Pace, sid il-Magic Kiosk restaurant f’Tas-Sliema, meta, skont il-provi tal-Qorti, l-accountant kien inkarigat biex jabbozza diversi wegħdiet. ta’ ftehim ta’ bejgħ fuq it-trasferiment ta’ art lil membri tal-klikka ta’ Sant.

Il-provi indikaw ukoll li Cauchi kien oġġezzjona għal dak li kien qed isir u, wara li kien telaq mil-laqgħa, wieħed minn dawk preżenti kien irrimarka li Cauchi kien il-problema. Xahrejn wara, fl-14 ta’ Frar, 1982, l-accountant ħalla d-dar tiegħu f’Santa Venera għall-uffiċċju tiegħu fil-Belt Valletta u qatt ma rritorna.

Iktar minn tliet snin wara, fil-15 ta’ Novembru 1985, il-fdalijiet ta’ ġisem uman instabu mill-pulizija f’bir baxx fiż-żona magħrufa bħala Il-Bosk, qrib Ġonna tal-Buskett fir-Rabat. Aktar tard ġew identifikati bħala ta’ Cauchi. L-Imħallef Francesco Depasquale ordna li l-familja ta’ Cauchi tingħata kumpens ta’ 15,000 ewro fis-sena biex għalhekk wasal għad din is-somma. Għall-familja ta’ Lino Cacuhi deher l-Avukat Peter Fenech.