Lokali

L-Imħallfin u l-Maġistrati jeħtieġu aktar għajnuna u riżorsi biex jaqdu d-doveri tagħhom – PN

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Imħallfin u l-Maġistrati ġodda

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Imħallfin u lill-Maġistrati ġodda li issa se jibdew jaqdu d-doveri tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Iż-żieda fin-numru ta’ Imħallfin u Maġistrati maħtura b’sistema indipendenti mill-Gvern hu pass ’il quddiem għas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jqis li jkun żball kbir jekk dan waħdu jitqies bħala s-soluzzjoni għall-problemi kbar li għandha s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna, bl-akbar waħda tkun dik tad-dewmien eżaġerat fis-smigħ tal-kawżi.

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ għal azzjoni immedjata mill-Ministru tal-ġustizzja biex jiżgura li, b’mod immedjat, il-Qrati ta’ pajjiżna jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa ħalli kull Imħallef u Maġistrat ikun jista’ jaqdi d-doveri tiegħu b’mod effettiv u fi żmien raġjonevoli.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandu jiżdied in-numru ta’ impjegati mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, inkluż l-impjegati assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati, biex ikun indirizzat id-dewmien fis-smigħ tal-kawżi. Barra minhekk, l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għandha ttejjeb il-pagi ta’ dawk li diġà huma impjegati magħha u tibda tattira lejha aktar persuni li huma ppreparati akkademikament u għandhom għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li sistema ta’ ġustizzja ineffiċjenti u ineffettiva hi piż inġust fuq il-familji u n-negozji, filwaqt li ddgħajjef il-kompetittività ta’ pajjiżna. Meta l-Gvern ma jinvestix fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna, ikun qed jagħżel li ma jirrispettax is-Saltna tad-Dritt u jkun qed ixekkel liċ-ċittadini mit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom.