Lokali

Ma nistgħu ninsew qatt – il-Parlament Ewropew ifakkar lil dawk kollha maqtula fl-Olokawst

Fil-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-Vittmi tal-Olokawst, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li qatt m’għandna ninsew lil dawk kollha li nqatlu u għandna obbligu li nibqgħu nitkellmu.

Waqt li kienet qed tindirizza sessjoni plenarja speċjali tal-Parlament Ewropew fi Brussell, Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew ma baqax sieket dwar il-valuri li jħaddan. Żiedet li għad hawn min jiġġustifika l-mibgħeda u appellat biex ma nibqgħux nippermettu li jkun hemm min isib refuċja fl-injoranza.

Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew ma baqax sieket lanqas fejn tidħol l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna u n-narrattiva użata biex tipprova tiġġustifikaha. “Lanqas konna siekta fejn jidħol ir-reġim fl-Iran li jesegwixxi liż-żgħażagħ li jqumu għan-nisa, il-ħajja u l-libertà”, qalet il-President Metsola.

Fil-preżenza tal-President ta’ Iżrael Isaac Herzog, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista inawgurat wkoll tifkira tal-artist Felix Nussbaum imsejħa “The Refugee” quddiem il-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell.

Aktar kmieni, Roberta Metsola u l-President Iżraeljan kellhom ukoll laqgħa bilaterali bejniethom fejn tkellmu dwar oqsma fejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael jistgħu jikkoperaw aktar bejniethom.