Lokali Qorti

Mhux ħati li saq taħt l-influwenza tax-xorb meta ħabat ma’ karozza u kkaġuna ħsara fit-“Traffic Lights”

Il-Maġistrat Victor Axiak ma sabx żagħżugħ ta’ 23 sena ħati li saq taħt l-influwenza tax-xorb konsegwenza li baqa’ dieħel f’karozza f’Tas-Sliema għax huwa qal li l-inċident seħħ wara li it-tfajla tiegħu kienet ħatfitlu l-steering waqt argument ta’ bejniethom.

Sheridan Lee Grech ma nstabx ħati li fis-27 ta’ Mejju 2017, għall-ħabta tat-3am fi Triq it-Torri, mhux biss saq taħt l-inluwenza tal-alkoħol, imma ħabat ma’ karozza u kkaġuna ħsara fi ‘traffic lights’ b’detriment għall-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.

Fit-13 ta’ Novembru l-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati u kundannatu jħallas multa ta’ €1,700 u skwalifikatu mill-liċenzja għall-perjodu ta’ sitt xhur. Grech ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti u appella biex fid-19 ta’ Diċembru 2019 l-Qorti tal-Appell Kriminali annullat is-sentenza u ordnat li l-kawża terġa’ tinstema’ mill-ġdid.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Victor Axiak qal li l-Prosekuzzjoni naqset li tesebixxi provi tal-Pulizija li marru fuq il-post u li għamlulu l-‘breathalyser’. Huwa sema’ DJ tixhed li hi semgħet ħoss kbir u meta ħarġet minn fejn kienet qed iddoqq sabet il-karozza milquta u t-‘traffic lights’ bil-ħsara.

L-akkużat minn naħa tiegħu qal li kien qed isuq minn Paceville ma’ tfajla u bdew jargumentaw bit-tfajla taħtaf l-steering taħt idejha u tilef il-kontroll tal-karozza. Il-Qorti qalet li minkejja li għandha riżervi kbar dwar il-verżjoni tal-akkużat, u ma temminx għal kollox ix-xhieda tiegħu, fl-istess waqt ma hemmx provi biżżejjed li jwasslu għall-ħtija u kien għalhekk li lliberah. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.