Lokali

Steward jammettu li ma jistgħux jagħtu kura akuta f’St Luke’s

L-Isptar St. Luke’s kif inhu ma jistax jagħti kura lill-pazjenti li għandhom bżonn kura akuta. Dan ma kienx il-ftehim li dħalna għalih. Dħalna fid-deal għax ħsibna li qabilna kollox kien sar b’mod legali.

Sostna dan il-President ta’ Steward Health Care International, Armin Ernst meta l-Ħamis waranofsinhar Net News għamillu sensiela ta’ domandi …fosthom, għal liema raġuni l-Isptar St. Luke’s immexxi minn Steward mhux qed jgħin lill-Isptar Mater Dei f’dak li għandu x’jaqsam kura ta’ pazjenti, kif ukoll dwar il-każ li hemm il-Qorti li infetaħ mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti fejn pajjiżna qed jara l-Isptar Mater Dei taħt pressjoni kbira b’diversi kjuwiet u b’sodod bil-pazjenti mqiegħda saħansitra fil-canteen – Armin Ernst insista li l-Isptar St. Luke’s mhux f’kundizzjoni li jilqa’ lil dawn il-pazjenti  u li mhuwiex fully functioning bħala sptar.

Ernst huwa l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Vitals Global Healthcare, u allura dawn ir-risposti li tana għandhom sinifikat akbar.

Ufficjali ta’ Steward spjegaw lil Net News li l-ftehim maghhom ma kien qatt li jagħtu kura lil pazjenti li għandhom bżonn kura akuta – jiġifieri persuni li jkunu morda serjament u li jkollhom bżonn intervent immedjat..iżda biss riabilitazzjoni.

Rigward il-kawża li għaddejja preżentament fil-Qorti, Armin Ernst sostna li Steward Health Care sa mill-bidu wettqu xogħlhom u onoraw il-kuntratt tagħhom filwaqt li saħaq li dan il-każ ma japplikax għalihom għaliex huma ngħatatilhom il-konċessjoni mingħand is-sidien preċedenti…u insista li daħlu għaliha għax ħasbu li kollox kien legali. Għalkemm fl-ebda ħin ma qailna li anke hu, sa ftit qabel, kien fit-tmexxija ta’ Vitals.

Is-saga tal-VITALS u issa ta’ Steward Health Care  ilha għaddejja s-snin bl-aħħar xhur ikunu kkaratterizzati minn stqarrijiet magħmula mill-istess Steward fejn intqal li d-diffikultajiet kienu evidenti sa mill-bidu li ngħataw il-konċessjoni lura fl-2018.

Dan wara li kien sar magħruf li s-sidien preċedenti, Vitals Global Healthcare, li l-Gvern tal-Labour kien afdalhom lil St. Luke’s għar-riġenerazzjoni sħiħa ma kienux ħalsu mas-€37 miljun f’VAT…bi Steward jieħdu l-Isptar għas-somma miżera ta’ €1.