Futbol Internazzjonali

Futbol Ingliż — Ir-Raba’ Rawnd tal-FA Cup: Manchester City jeliminaw lil Arsenal b’gowl ta’ Nathan Ake

Ir-Raba’ Rawnd tal-FA Cup bdiet bl-aktar logħba mistennija fil-programm fejn iċ-Champions Ingliżi, Manchester City, għelbu lil Arsenal – il-liders attwali tal-Premier League bl-iskor ta’ 1-0 fl-Etihad Stadium.

Is-Citizens u Arsenal niżlu għal din il-logħba b’diversi bidliet fit-tims rispettivi wara l-aħħar suċċessi tagħhom fil-kampjonat iżda xorta produċew konfront kumbattut li baqa’ inċert sal-aħħar ħinijiet.

Qabel din il-logħba Arsenal kien irnexxielhom jegħlbu lil City fl-aħħar erba’ konfronti ta’ din il-kompetizzjoni u bil-Gunners, kull darba, jaslu sal-finali – fejn spiċċaw rebħu din it-tazza tliet darbiet, fl-1971, l-2017 u l-2020.

Il-kronaka turi li l-unika rebħa għal City kontra Arsenal fl-FA Cup seħħet fl-1904, meta l-Gunners kienu magħrufin bħala Woolwich Arsenal u liema logħba kienet intemmet 2-0 favur is-Citizens fil-Manor Ground.

Arsenal għal din il-logħba kellhom lil Matt Turner fil-lasta minflok is-solitu Aaron Ramsdale waqt li anki taw debutt lil Leandro Trossard li ssieħeb mal-Gunners jiem ilu mingħand Brighton – bl-attakkant Belġjan ikun ferm attiv għall-Gunners fl-ewwel ħinijiet.

Arsenal fetħu fuq l-attakk, bil-gowlkiper ta’ City Moreno isalva tajjeb fuq ix-xutt bomba ta’ Tomiyasu. City wieġbu b’tentattivi ta’ Haaland u de Bruyne iżda l-Gunners bdew juru l-aħjar ideat u qabel il-mistrieħ huma marru viċin mill-ġdid minn Trossard, b’City jippruvaw isibu l-ispazju għal Haaland iżda mingħajr suċċess u bl-ewwel taqsima tintemm 0-0.

Fit-tieni taqsima, City ħarġu aggressivi bil-ħsieb li jippenetraw id-difiża kompatta tal-Gunners b’Turner mill-ġdid isalva fuq de Bruyne — u bis-Citizens ikomplu bil-pressjoni bit-tama li jiżblukkaw ir-riżultat.

Intant, il-mument tagħhom wasal fl-64 minuta u wara li Julian Alvarez kien laqat il-lasta għal City b’tentattiv minn barra l-kaxxa. Il-ballun għadda lil Grealish li sab lid-difensur Olandiż Nathan Ake li, minn pożizzjoni angolata, sab ir-rokna tax-xibka b’xutt preċiż u mhux daqstant b’saħħtu.

Arsenal ippruvaw iwettqu reazzjoni – fejn daħħlu lil Zinchenko u Martinelli bħala sostituti —  iżda City irnexxielhom irażżnu l-attakki mhux daqstant konvinċenti tal-Gunners, bl-iskor ma jinbidilx għalkemm Martinelli kellu azzjoni veloċi miżmuma b’diffikultà mid-difiża tas-Citizens.