Lokali

Iċċelebrat il-175 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ

F’għeluq il-175 sena mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li bħalissa pajjiżna għandu bżonn impjiegi li jħallu kwalita’ ta’ ħajja aħjar ghall-poplu Malti u Għawdxi.

Bernard Grech sostna li l-Kamra tal-Kummerċ hija waħda mill-aktar organizzazzjonijiet effettivi f’pajjiżna fejn il-ħidma ta’ din il-kamra f’diversi ċirkostanzi ssarfet ukoll biex is-settur tan-negozju jgawdi minn politika nazzjonali aktar b’saħħitha.

Minn naħa tiegħu, l-President ta’ Malta George Vella qal li l-Kamra tal-Kummerċ dejjem imxiet mal-iżvilupp kontemporanju taż-żminijiet. Dan hekk kif pajjiżna matul is-snin esperjenza diversi bidliet importanti u pożittivi…fosthom s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Il-President Vella saħaq li l-Kamra tal-Kummerċ qed taqdi irwol importanti ħafna f’pajjiżna filwaqt li dejjem għandha tibqa’ tħares il-membri kollha taghha.

Dawk prezenti kienu indirizzati wkoll mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb illi qalet li l-presidenti ta’ qabilha bnew il-pedamenti li qed igawdu minnhom illum il-ġurnata. Hija saħqet fuq l-importanza li l-interessi tas-setturi kollha jkunu mħarsa filwaqt illi qalet li l-Kamra tal-Kummerċ se tibqa’ tkun ta’ għajnuna għan-negozji kollha.

Marisa Xuereb qalet ukoll li l-Kamra tal-Kummerċ tpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox filwaqt li tisħaq fuq il-prinċipji ta’ governanza tajba, u kundizzjonijiet tajba fuq il-post tax-xogħol fost affarijiet oħra.

Minn naħa tagħha, l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet li matul dawn l-aħħar sentejn ssieħbu ‘il fuq minn 500 membru ġdid kif ukoll żdiedu l-membri nisa fi ħdan din l-organizzazjoni. Hija sostniet li fil-futur se jkomplu jaħdmu fuq is-suċċessi li kisbu, itejbuhom kif ukoll ikomplu iżidu magħhom.

Waqt dan l-avveniment kien hemm preżenti diversi deputati miż-żewġ naħat tal-kamra kif ukoll kienu mistiedna diversi membri distinti.