Lokali Qorti

Il-ġuħ wassal raġel biex jisraq b’valur ta’ €29 f’oġġetti minn Supermarket

Raġel tressaq il-Qorti wara li l-Ħamis filgħodu seraq oġġetti b’valur ta’ inqas minn €30 minn Supermarket. Jaba Nadiradze ta’ 33 sena, ċittadin Ġorġjan mingħajr indirizz uffiċjali kien akkużat li seraq il-prodotti minn Supermarket fil-Mellieħa.

Nadiradze ġie mixli wkoll li ta dettalji foloz lill-Pulizija, kif ukoll li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Qabel bdiet is-seduta, il-Maġistrat Leonard Caruana rrimarka lill-uffiċjal talPprosekuzzjoni li l-ispiża tal-ħatra ta’ interpreti biex jassistu lil Nadiradze, li la jitkellem bl-Ingliż u lanqas bil-Malti, kienet diġà qabżet il-valur tal-oġġetti misruqa, qabel ma qieset l-ispejjeż l-oħra ta’ il-każ.

Mitlub jispjega x’wassal għall-arrest, l-Ispettur Christian Cauchi qal lill-Qorti kif il-Pulizija kienet ġiet ikkuntattjata mill-ħaddiema tas-Supermarket il-Ħamis stess fl-10:30am, u rrapportaw li kien intlemaħ jisraq minn fuq is-CCTV. Il-ħaddiema tas-sigurtà fis-Supermarket fittxew fil-backpack tar-raġel u skoprew oġġetti misruqa, huwaqal.

L-oġġetti kienu jikkonsistu f’boxer shorts, kalzetti, xorb enerġetiku, ġobon, zalzett u salami, qal l-Ispettur, li kkonferma li l-valur totali tal-oġġetti misruqa kien ta’ €29. Uffiċjali mill-għassa tal-Qawra kienu mbagħad arrestaw lir-raġel, li fil-bidu offra li jurihom fejn kien joqgħod, iżda sussegwentement bidel fehmtu, qal l-Ispettur.

Nadiradze kien irrifjuta wkoll li jagħti d-dettalji tiegħu lill-Pulizija. L-identità tar-raġel ġiet stabbilita minn ritratti ta’ dokumenti li kienu issevjati fuq il-mowbajl tiegħu, spjega l-ispettur. Nadiradze wieġeb ħati tal-akkużi, u kkonferma l-ammissjoni tiegħu meta ngħata l-opportunitàli jaħsibha .

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-Ispettur qal lill-Qorti li għalkemm il-valur tal-oġġetti misruqa kien żgħir, ir-raġel ma kienx rritornahom u eskala s-sitwazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu. Nadiradze talab lill-Maġistrat jippermettilu jispjega għaliex kien wettaq ir-reat.

Meta tkellem bl-assistenza ta’ żewġ interpreti, l-akkużat esprima dispjaċir u skuża ruħu għall-inċident. Kienet l-ewwel darba f’ħajtu li kiser il-liġi, huwa qal. “Kien qabdu l-ġuħ,” qal l-interpretu. “Ħallas €10 tal-kont għax ma kellux biżżejjed flus biex ikopri l-oġġetti kollha.”

Huwa kien ta dettalji foloz lill-Pulizija għax kien beża li jġib inkwiet lill-ħbieb qrib tiegħu li kienu jgħixu miegħu, huwa qal. “Eventwalment kien ipprovda d-dettalji tiegħu lill-Pulizija billi qalilhom biex iħarsu lejn ir-ritratt tal-passaport tiegħu fuq WhatsApp.

Huwa kien tilef il-passaport madwar sentejn ilu, u ma kienx konxju li kellu bżonn jagħmel rapport tal-Pulizija dwaru,” qal l-interpretu. “Il-każ tal-lum huwa wieħed mistħoqq,” qal l-avukat Christopher Chircop, avukat difensur tal-għajnuna legali, fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena.

Huwa talab lill-Qorti biex tikkunsidra li tapplika piena qrib il-minimu legali. Meta sabet lir-raġel ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess, il-qorti ħelsituy kondizzjonalment għal sitt xhur. Il-Maġistrat spjega l-implikazzjonijiet tas-sentenza lill-akkużat, u wissa li jkun hemm konsegwenzi ferm agħar jekk jagħmel reat ieħor fis-sitt xhur li ġejjin. “Il-Pulizija qegħdin hemm biex jiġu obduti,” fakkar il-maġistrat, qabel ma ħalla lir-raġel jitlaq.