Lokali

“Bżonn ta’ impjiegi li jħallu kwalita’ ta’ ħajja aħjar” – Bernard Grech

Fil-175 anniversarju tal-Kamra tal-Kummerċ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard waqt id-diskors tiegħu qal li l-Kamra tal-Kummerċ hija ‘stakeholder’ ewlieni fix-xenarju tal-kummerċ lokali. Huwa kompla jgħid li l-Kamra tal-Kummerċ taffaċja diversi sfidi.

Bernard Grech sostna li l-Kamra tal-Kummerċ hija waħda mill-aktar organizzazzjonijiet effettivi f’pajjiżna fejn il-ħidma ta’ din il-kamra f’diversi ċirkostanzi ssarfet ukoll biex is-settur tan-negozju jgawdi minn politika nazzjonali aktar b’saħħitha. Huwa qal li din il-ħidma tirrifletti l-importanza tal-Kamra tal-Kummerċ.

Bernard Grech qal; “Irridu nħarsu ‘il quddiem sabiex insaħħu s-suċċess tal-Kamra tal-Kummerċ.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel appell lill-Gvern sabiex jinvesti b’sistema aktar b’saħħitha fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għall-ħaddiema sabiex pajjiżna jipprepara aħjar lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri għall-opportunitajiet li se naffaċċjaw fil-futur.

Bernard Grech saħaq fuq l-importanza ta’ ħolqien ta’ impjiegi li jsarrfu fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi. Huwa qal li l-mudell ekonomiku preżenti ta’ pajjiżna li qed iħalli impatt kbir speċjalment rigward l-għoli tal-ħajja u allura fuq il-kwalita’ tal-ħajja.

Huwa qal; “matul is-snin il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem irnexxielu joħloq setturi ekonomiċi ġodda għal dak iż-żmien u dik il-ħidma li għamlu ta’ qabilna għadna ngawdu l-frott tagħha sal-lum.

Bernard Grech sostna; “Il-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna għandu bżonn viżjoni ekonomika u strateġija li tmur lil hinn mill-ħames snin ta’ leġislatura. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li jikkopera mal-Kamra tal-Kummerċ għax irridu li l-ekonomija f’pajjiżna tkompli tikber.”

Bernard Grech temm id-diskors tiegħu meta qal li għall-Partit Nazzjonalista, il-kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha tibqa’ l-ewwel u qabel kollox.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm il-President ta’ Malta George Vella, diversi membri miż-żewġ naħat tal-kamra u membri distinti.