Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jiċħad li kien hawn żieda allarmanti ta’ kriminalita’

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jidher li mhuwiex konxju bin-nuqqas ta’ sigurta’ li qed tinħass fit-toroq ta’ pajjiżna bħalissa. Dan minkejja d-dikjarazzjoni li għamel Robert Abela aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-Ġimgħa filgħodu, Net News saqsa lis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul dwar il-kwistjoni tas-sigurta fit-toroq u f-diversi żoni ta’ pajjiżna.

Andy Ellul qalilna li skont hu ma jħossx illi hawn żieda ta’ kriminalita’ fit-toroq tagħna u insista li m’hemmx lok ta’ allarm.

Meta mistoqsi jekk hemmx pjanijiet sabiex tiddaħħal aktar sigurta’ fit-toroq Maltin Andy Ellul ħarab milli jwieġeb din id-domanda – konferma li l-Gvern m’għandu ebda soluzzjonijiet għal din ir-realta.

Din it-tema kontroversjali spiċċat diskussa fuq livell nazzjonali wara diversi każi koroh li segwejna fl-aħħar ġimgħat; fosthom il-qtil ta’ Pelin Kaya fil-Gżira, kif ukoll il-każ ta’ grupp ta’ żgħażagħ li ġew aggrediti fil-Belt Valletta.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela stess qal li jafdax lit-tifla tiegħu weħidha l-Belt għalkemm xorta ma offra ebda soluzzjoni sabiex tkun indirizzata din il-problema li qed tikkawża ansjeta kbira fil-familji.