Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża u multa wara li sawwat żiemel li sfratta u weġġa’ n-nies

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ raġel li nstab ħati li f’Għawdex, sawwat iż-żiemel tiegħu, li wassal biex dan jisfratta u jaħarab għal fuq in-nies, u weġġa’ tlieta minnhom.

Il-Qorti qalet li hija qagħdet fuq ix-xhieda li kienu hemm u li raw eżatt x’ġara u oħrajn li għarfu wkoll lill-akkużat Dylan Micallef. L-Imħallef qalet fis-sentenza tagħha li hi tħoss li x-xhieda mogħtija miż-żewġ vittmi kienet kredibbili u m’għandhiex għala tiddubitahom.

Kienet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li semgħet il-każ fil-Qorti t’Għawdex u sabet lil Micallef ħati u kkundannatu 20 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa ġie mmultat ukoll €5,000 u ġie ordnat iħallashom fi żmien sentejn b’ammont kull xahar. Kien ġie ordnat ukoll iħallas €846.51 fi spejjeż tal-Qorti. L-Ispettur Bernard Charles Spiteri kien investiga l-każ u ressaq lil Micallef il-Qorti.


Micallef, instab ħati li kkawża ġrieħi gravi b’mod involontarju fuq tliet persuni, u moħqrija fuq l-annimali fejn iż-żiemel kien weġġa’ fejn kien anke ssawwat fil-parti tiegħu. Il-każ ġara fid-9 ta’ Lulju 2018 meta Micallef li kien sid iż-żiemel, flimkien mal-jockey u ibnu kienu fi Triq Fortunato Mizzi, Victoria jistennew biex jibdew it-tlielaq taż-żwiemel.

Mill-provi rriżulta li filwaqt li l-jockey u ibnu bdew iżommu ż-żiemel, Micallef beda jagħtih bil-frosta biex iġegħlu jiġri iktar bis-saħħa qabel ma t-tellieqa kienet għadha bdiet. Wieħed mill-vittmi, li sofra minn diżabilità permanenti, ftakar kif ra żewġ irġiel iżommu ż-żiemel u ieħor isawwwtu bil-frosta minn wara.

Kien qal li sema’ n-nies iwerżqu u ż-żiemel tilef il-kontroll u ż-żiemel daħal bis-saħħa fuq l-Ispettaturi. Iż-żiemel laqat ir-raġel u tefgħu ġo ħajt. Huwa kien ftakar kif sid iż-żiemel ġie ħdejh minn ħdejn iż-żiemel, qabel ma telaq minn fuq il-post.

Ir-raġel spiċċa bi tliet kustilji miksurin u 35 sutura f’ġenbu. Il-Qorti kienet qalet li ż-żiemel ma kellux jingħata daqqiet bil-frosta, għax din hija moħqrija fuq l-annimali. Raġel ieħor sofra minn ġrieħi ħfief filwaqt li t-tielet raġel sofra minn grieħi gravi u kellu ferita fuq moħħu.

L-Ewwel Qorti kienet osservat li l-Pulizija ma ġabritx il-filmati tas-CCTV fit-triq fejn seħħ l-inċident u qalet li kieku dan kien iwassal għal proċeduri iqsar fil-Qorti. Fil-fatt fost ir-raġunijiet li Micallef ġab fl-appell kien li l-Prosekuzzjoni ma ġabitx filmati tal-cameras li kien hemm fuq il-post. 

Huwa qal liu dan kien każ mimli’ konġenturi u li fis-smigħ tal-kawża ma ġiex identifikat u kien hemm xhieda li kkontradixxiet lilha nfisha. Argumenta li l-piena kienet eċċessiva meta tqis li dan kien inċident wieħed u fl-ebda mument l-imputat ma kellu jew għandu akkużi simili.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet li ma kinitx se tvarja xejn mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati għax kienet fil-parametri tal-piena preskritta mil-liġi.