Lokali Mużika

Kunċert tal-55 anniversarju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta fakkar il-ħamsa u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tiegħu b’kunċert f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta George Vella.

Bit-tema “A night at the movies”, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) immexxija mill-konduttur prinċipali, Sergey Smbatyan, saħħret lill-udjenza b’repertorju ta’ mużika klassika mill-films, b’interpretazzjonijiet miktuba minn Vangelis, Beethoven, Zimmer u Strauss fost oħrajn.

Matul il-ħamsa u ħamsin sena ta’ storja, il-Bank Ċentrali ta’ Malta tella’ kunċertidifferenti sabiex ifakkar l-avvenimenti tiegħu. Barra minn hekk, is-sħubija tal-Bank mal-MPO ppermettiet li dan il-kunċert ikun opportunità ideali oħra sabiex tiġi ċċelebrata din ir-relazzjoni li ilha teżisti mal-orkestra u sabiex tippromwovi l-irwol importanti li għandha l-mużika fil-kultura Maltija u s-sinifikat li t-talent lokali għandu jiġi appoġġjat.

Il-kunċert kien suċċess kbir, bl-udjenza tfaħħar il-prestazzjoni tal-MPO u l-għażla tal-mużika. Il-kunċert tal-ħamsa u ħamsin anniversarju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kien ġieħ xieraq għall-kisbiet li għamlet l-istituzzjoni fil-passat u ċelebrazzjoni tal-aspirazzjonijiet futuri tagħha.