Ewropa Lokali

Roberta Metsola premjata bl-unur ‘Mara tas-Sena’

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ingħatat l-unur tal-‘Mara tas-Sena’ waqt ir-raba’ edizzjoni ta’ konferenza bl-isem ‘Women in a Legal World’ f’Madrid.

Dan il-premju ġie ppreżentat lil Metsola mid-deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ekonomija ta’ Spanja Nadia Calvino.

Roberta Mestola ngħatat dan l-unur b’rikonoxximent għall-ħidma tagħha fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari għall-azzjonijiet li ħadet fil-konfront tal-gwerra fl-Ukrajna, għad-determinazzjoni tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll għall-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni Ewropea.

F’diskors wara li rċeviet l-unur, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista qalet li waħda mill-aqwa deċiżjonijiet li għamlet f’ħajjitha kienet li għażlet karriera marbuta mal-qasam legali li waslitha biex tidħol fil-politika. Spjegat li l-aspirazzjoni li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea kienet waħda mill-motivazzjoni li wasluha għal fejn tinsab illum. Dr Metsola qalet li minkejja n-nuqqasijiet li għandha l-Unjoni Ewropea, din għenet biex “ħajjitna tkun aħjar. Aktar ġusta. Aktar sigura.”

Il-President Metsola, ħeġġet aktar nisa jidħlu fil-politika, u saħqet li jekk wieħed jaħdem u jistinka, m’hemm xejn li għandu jwaqqaf lil dik il-persuna milli tilħaq l-għanijiet tagħha. Kompliet li jeħtieġ isir iktar biex aktar nisa jkunu mħeġġa jibqgħu jsegwu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jkollhom aktar opportunitajiet.

Aktar kmieni waqt iż-żjara tagħha fil-kapitali Spanjola, l-President Metsola kellha laqgħa mal-Prim Ministru Pedro Sanchez, fejn tkellmu dwar il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku, s-sitwazzjoni tal-enerġija, u l-appoġġ lejn l-Ukrajna.