Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Somalu ‘homeless’ li seraq “biex jiekol”

Żagħżugħ ‘homeless’ ġie kundannat 10 xhur ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta l-akkużi ta’ serq, wara li sostna li seraq oġġetti tal-ikel biex jibqa’ jgħix. Sahal Jama Mohammed ta’ 19-il sena mis-Somalja kien tressaq il-Qorti nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Jannar wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo mill-Ispettur Andrew Agius Bonello.

L-akkużat wieġeb ħati, u kkonferma l-ħtija tiegħu meta ngħata l-opportunità li jirtiraha mill-Qorti. L-avukat David Bonello, li deher għas-Somalu, iddeskriva r-reati bħala sempliċi serq. “Seraq jogurt, tonn u wraps, biex ikun jista’ jiekol,” huwa qal. Sentenza ta’ ħabs sempliċement tkun qed tipposponi l-problema, hekk kif wara ftit ġimgħat biss wara jerġa’ jispiċċa lura fit-triq, sostna l-avukat.

Madankollu, minbarra ż-żewġ akkużi ta’ serq mis-supermarkets f’Birkirkara u Ħal Balzan, ir-raġel ammetta wkoll li seraq mowbajl ta’ raġel ieħor, dik l-akkuża kienet aggravata bil-valur tal-oġġett misruq. Kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża ssuġġerew li sentenza sospiża tkun piena xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-Qorti ddifferit l-każ għas-sentenza għal din il-ġimgħa u laqat it-talba tal-partijiet biex is-sentenza ma tkun waħda ta’ ħabs effettiv.