Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li daħal b’sikkina f’uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali

Sentenza sospiża għal raġel mill-Ħamrun, li fil-Qorti ngħad li xejjer sikkina kbira fil-konfront ta’ diversi ħaddiema f’uffiċċju tas-sigurtà soċjali u, f’okkażjoni separata, hedded li jużaha. Fit-13 ta’ Mejju 2022 għal-ħabta tas-12.45pm. Madankollu huwa ma nstabx ħati li kellu l-ħsieb li jikkaġuna feriti gravi fuq uffiċjal tas-sigurtà soċjali u li b’xi mod beżżgħu li kienet se tintuża’ vjolenza fil-konfront tiegħu.

Huwa nstab ħati wkoll li nġurja tliet membri tal-Korp tal-Pulizija waqt li kienu qed jaqdu dmirhom, li obdiex l-ordnijiet legittimi tal-istess Pulzija, iżda mhux li ħebb għalihom u attakkahom. Iżda nstab ħati li permezz ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika hedded li jagħmel xi reat. Huwa nstab ħati wkoll li naqas milli jħares xi waħda mill-kondizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Huwa lanqas ma nstab ħatu li sar reċidiv minħabba li l-Prosekuzzjoni ma pprezentatx sentenzi sabiex tipprova din l-imputazzjoni. B’kollox huwa kien qed jiġi mixli b’14 il-akkuża. Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li ħaddiem gewwa l-Ufficju tas-Sigurtà Soċjali tal-Ħamrun, irraporta li waqt li kien xogħol Antoine Monsigneur kien mar jistaqsi rigward xi pagamenti tas-servizzi soċjali li kien għadu ma irċevix, u qallu “jekk mhux se toħroġli l-pagamenti intaqqab erbgħa min-nies” u ħareġ sikkina tal-ħobż minn idu l-leminija.

Waqt li l-Pulizija kienu qed jieħdu l-verżjoni tax-xhieda dwar dan l-incident, huma ġew infurmati mill-Control Room li l-imputat kien quddiem il-binja ta’ Okella Agius, fi Triq Ħal-Qormi, l-Ħamrun, il-post tar-residenza tiegħu, b’sikkina f’idejh u x’aktarx fis-sakra.

Il-Pulizija marru fuq il-post u sabu lill-imputat quddiem il-bieb tar-residenza tiegħu fit-tielet sular, b’sikkina f’idejh. Din is-sikkina ġiet meħuda minn idejh, ġie skortat l-Għassa tal-Hamrun, fejn ġie infurmat li se jinżamm taħ arrest. Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia semgħet kif Antoine Monsigneur ta’ 52 sena mill-Ħamrun, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju, mar fl-uffiċċju tas-Servizzi Soċjali fil-Ħamrun fejn talab biex iċ-ċekkijiet tiegħu jiġu depożitati mill-aktar fis.

Skont il-Prosekuzzjoni meta t-talba tiegħu ġiet miċħuda inqala’ argument u ħareġ sikkina tal-ħobż ta’ 15-il ċentimetru. Sussegwentement sar rapport lill-P)ulizija. Huwa ġie arrestat iżda ma ta l-ebda tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu, Huwa mbagħad ingħata l-Police Bail waqt li komplew l-investigazzjonijiet.

Ghalkemm gie mnegat mill-imputat li ħareġ xi sikkina, l-Qorti qalet li hija sodisfatta li mill-provi jirrizulta li meta fit-13 ta’ Mejju 2022 l-imputat daħal ikellem lil uffiċjal sabiex jilmenta li ma irċeviex xi cekkijiet tas-sigurta soċjali, huwa poġġa bil-qiegħda quddiemu, ħareġ sikkina tal-hobż mill-komma tat-track suit ta’ idu l-leminija, waqt li kien qed ikellmu.

Ma ppruvax jweġġa’ lill-uffiċjal tas-sigurtà soċjali

Pero mill-provi rriżulta wkoll li għalkemm l-imputat ippunta din is-sikkina lejn il-perspex li kien jissepara lilu mill-uffiċjal, huwa fl-ebda ħin ma għamel xi mossa biex iweġġa’ lill-uffiċjal bis-sikkina. Fil-fatt meta l-Prosekuzzjoni staqsiet kif kien il-komportament tal-imputat avvolja kellu s-sikkina f’idu, huwa wieħeġ hekk:

“Le, le, ma kienx aggressiv, le, le. Kien Kalm meta harigha.” Huwa xehed ukoll li ma kienx hemm għajjat u theddid ħlief li meta ħareġ is-sikkina l-imputat qal il-kliem “Jekk ma tohroġlix il-pagament inneħħi xi erba’ minn nies.” Mistoqsi mill-Qorti, l-uffiċjal reħa’ qal li madwar 20 minuta li l-imputat kien hdejh, il-konverzazzjoni kienet il-ħin kollu normali ta’ tnejn min-nies jitkellmu madwar mejda.

Ix-xhud qal ukoll li l-imputat zamm is-sikkina f’idu ippuntata lejn il-perspex, pero ma kienx qed idawwarha, fil-waqt li qagħad jitkellem miegħu. Skond ix-xhieda hu ipproċessalu d-dokumenti sabiex l-imputat ikun jista’ japplika ghall-benefiċċju tal-mard, u l-imputat ħareġ minn rajh.

Dan huwa korroborat ukoll mix-xhieda ta’ mpjegata mara li kienet fl-istess uffiċċju. Hija xehdet li l-imputat ma daħalx irrabjat fil-kamra, imma daħal fil-kamra b’mod “friendly” għax lill-uffiċjal kien ikellmu għax kien jinqeda għandu ta’ spiss. Hi kompliet tgħid li l-uffiċjal u l-imputat bdew “jitkellmu normali bdew, u ma kienx hemm għajjat, ħadd ma għolla leħnu, jitkellmu biss fuq li kellu bzonn Monsigneur.”

“Naf li f’ħin minnhom Monsigneur urih is-sikkina lill-uffiċjal u li dan lili keċċieni barra mill-kamra. Imma naf li bdew jitkellmu fuq xi ċekkijiet u urieh is-sikkina mhux għax beda jhedded lilu. Ħariġha mill-komma u wrieha lill-uffiċjal, bħal speċi biex jurih li għandu l-arma.”

Hija marret f’uffiċju ieħor fejn kien hemm impjegata oħra ftit metri l-bogħod, u madwar 15-il minuta wara rat lill-imputat nieżel bil-kalma isfel. Il-Prosekuzzjoni qalet li aktar kmieni matul il-ġimgħa ta’ qabel l-inċident, l-imputat ċempel lill-helpline tas-Servizzi Soċjali. Kienet telefonata ta’ 27 minuta li ġiet irreġistrata. Fl-aħħar minuta huwa għamel theddid mhux serju” b’referenza għal “l-arma”, qalu il-Prosekuturi.

Kunsiderazzjonijiet dwar il-piena

Rigward il-piena il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni li minn 14-il akkuża, il-Qorti sabet lill-imputat ħati biss ta’ erba’ biss. Il-Qorti qalet ukoll li Il-fedina penali tal-imputat hi waħda kkulurita sew li għandha 30 faċċata, b’diversi kundanni għal serq ikkwalifikat, instigar ta’ minorenni għall-Prostituzzjoni, diversi reati ta’ inħurji, thedid u offiċi fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, pussess semplici tad-droga, kalunja, ħolqien ta’ provi foloz, ferita ta’ natura gravi permezz ta’ arma.

Apparti sentenzi ta’ ħabs effettiv, uħud minnhom twal, hu ngħata wkoll diversi opportunitajiet mill-Qrati sabiex jirriforma ruhu permezz ta’ ordnijiet ta’ probation u sentenzi sospiżi, pero s’issa l-imputat dejjem baqa’ jippersisti fit-triq tal-kriminalità.

Pero, jidher li l-imputat li issa għandu 52 sena xeba’ jaħli ħajtu dieħel u ħiereġ mill-ħabs, u jixtieq jirriforma ruhu u jirristabilixxa ħajtu. Dan jirriċulta anke mix-xhieda tal-assistenta psikoloġista tiegħu fil-habs Maria Chiara Leone. Hu għandu wkoll problemi ta’ ‘anger management’ billi jħoss li meta kien iżgħar ma sabx l-ghajnuna li kellu bżonn mingħand uffiċjali tal-pulizija u gwardjani tal-habs, u għalhekk għandu rabja partikolari għalihom.

Il-Qorti hadet in konsiderazzjoni ukoll li l-imputat ilu tmien xhur dentenut il-ħabs taht arrest preventiv in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri. Għalkemm hu ngħata l-ħelsien mill-arrest relattivament fil-bidu ta’ dawn il-proċeduri, ma rnexxielux jonera l-obbligi tal-garanzija impost fid-digriet, u għalhekk ma setgħax joħroħ mill-ħabs.

Pero għaraf juża dawn ix-xhur il-ħabs b’mod kostruttiv, bl-għajnuna tal-assistenta psikologa tiegħu. Qed jaħdem biex ir-rabja tiegħu ma jimmanifestahiex b’aggressjoni fiżika, u jsib modi iktar loġiċi u paċifiċi biex isolvi l-problemi. Mix-xhieda tal-assistent psikologa Maria Chiara Leone jirriżulta li għamel progress, għalkemm ghad fadallu fuq hiex jaħdem. Dan il-progress seta’ jiġi innotat ukoll minn din il-Qorti mit-titjib fil-komportament tiegħu fl-awla waqt is-seduti fil-mori ta’ dawn il-proċeduri.

Il-Qorti hija tal-opinjoni li l-isforzi li għmel l-imputat ġewwa l-ħabs dawn l-aħħar tmien xhur ħaqqhom li jiġu rikonoxxuti. Il-Qorti kkundannat lil Monsigneur għal piena karċerarja ta’ sena, sospiża għal perjodu ta’ erba’ snin. B’żieda ma’ din is-sentenza sospiża l-Qorti qiegħdet lill-ħati taht Ordni ta’ Superviżjoni għal perjodu ta’ tliet snin, bil-kundizzjonijiet stretti mposti fuqu.

Il-Il-Qorti ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole, kif ukoll li kopja ta’ l-Ordni tat-Trażżin tiġi komunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andy Rotin.