Futbol Sport

Valletta jfittxu tpattija fl-akbar derby ta’ Malta

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Fi tmiem il-ġimgħa jispikka d-derby ta’ ġewwa u barra swar, dak bejn ir-rivali Valletta u Floriana, iżda mhux biss. Konfront ieħor importanti u li għandu jkun missielet huwa dak bejn Gżira United u Hibernians, b’punt biss jifridhom fil-klassifika. Min-naħa t’isfel insibu logħbiet diffiċli għat-timijiet li qed jiġġieldu kontra r-relegazzjoni, iżda fil-futbol jista jiġri kollox speċjalment issa li ħadd ma jista’ jitlef punti u għalhekk il-pressjoni tista tagħmel tagħha mhux biss għal minn qiegħed isfel iżda anke għall-avversarji tagħhom li jkunu jridu jilħqu t-tragwardi.

Valletta vs Floriana | Il-Ħadd, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Ħafna jqisuh bħala l-akbar derby ta’ Malta fejn anke jekk ir-rivali Valletta  u Floriana mhux għaddejjin fl-aħjar forma tagħhom, dan il-konfront qatt ma jiddiżappunta u kważi dejjem kien wieħed ibbilanċjat. Valletta ma lagħbux l-aħħar konfront tagħhom kontra Sirens, partita li ser tintlagħab fl-1 ta’ Frar u għalhekk Thane Micallef kellu aktar żmien jipprepara l-iskwadra wara t-tluq tad-difensur Jean Borg u issa l-akkwist tal-attakkant il-ġdid mil-Liberja William Jebor, li se jkun disponibbli għal dan il-konfront. Floriana, li min-naħa tagħhom ippreżentaw lill-midfielder Norveġiż Sindre Osestad, ġejjin minn żewġ diżappunti nfila, eliminazzjoni mill-FA Trophy kontra Santa Lucia u telfa bi plejer iżjed kontra Birkirkara. Il-Greens jinsabu ħames punti ‘l bogħod mir-raba’ post u jekk l-objettiv huwa li jaslu s’hemm, tliet punti biss jissodisfawhom minn dan il-konfront.  Fl-ewwel logħba bejniethom Floriana kisbu rebħa ta’ 1-0 b’gowl ta’ Kemar Reid fis-86 minuta.

Gżira United vs Hibernians | Is-Sibt, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa fl-aħħar konfront, Ġżira b’rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Marsaxlokk filwaqt li Hibernians għelbu lil Mosta 2-0, rebħa li kienet importanti biex Tal-Pagun jibqgħu mal-ewwel erbgħa. B’rebħa, il-Maroons jikkonsolidaw it-tieni post filwaqt li rebħa għal Hibernians hija importanti biex jibqgħu jitbiegħdu minn mat-tim tal-ħames post Mosta, filwaqt li jaqbżu lill-istess Gżira b’punt. F’dan il-konfront insIbu taqtiegħa oħra, dik bejn Jurgen Degabriele u Jefferson De Assis li jinsabu l-ewwel u t-tieni fil-klassifika tal-aqwa skorers. Degabriele jinsab fil-quċċata bi 11-il gowl filwaqt li De Assis għandu 10.  Gżira United rebħu 2-1 fl-ewwel round b’doppjetta ta’ Jefferson De Assis.

Jake Grech ta’ Hibernians jipprova jwaqqaf lil Jefferson De Assis ta’ Ġżira fl-ewwel round (Ritratt: Trevor Sollars)

Birkirkara vs Santa Lucia | Is-Sibt, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Il-Karkariżi jibdew favoriti bla dubju f’dan il-konfront, bil-moral li żgur jinsab għoli wara rebħa fi tmiem il-ġimgħa kontra Floriana fejn anke kienu qed jilagħbu kważi taqsima sħiħa bi plejer inqas. Giovanni Tedesco se jkollu nieqsin lill-goalkeeper Giacomo Nava u lill-midfielder Kevin Tulimieri li t-tnejn huma sospiżi. Birkirkara jinsabu fit-tielet post b’31 punt  u rebħa tista tpoġġihom fit-tieni post jekk Gżira jwaqqgħu il-punti kontra Hibernians. Min-naħa l-oħra Santa Lucia jinsabu fi ġlieda differenti mill-avversarji hekk kif qed jissieltu biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni. Fl-aħħar ħarġa tagħhom, il-Yellows għelbu lil Żebbuġ 2-1 f’konfront dirett li poġġihom it-tielet mill-aħħar, fil-pożizzjoni tal-play-off u sitt punti taħt it-tim ta’ fuqhom Marsaxlokk. Fl-ewwel round l-Istripes ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0.

Żebbuġ Rangers vs Gudja United | Is-Sibt, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali

Konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa fl-aħħar partita. Żebbuġ tilfu l-konfront dirett kontra Santa Lucia filwaqt li Gudja United sfaw megħluba 1-0 kontra Balzan. Għal Żebbuġ, bħal Santa Lucia u Pietà, dawn l-aħħar għaxar logħbiet huma kollha finali biex isalvaw posthom mal-kbar, b’din il-ġimgħa għandhom iċ-ċans li jerġgħu jaqbżu lil Santa Lucia jekk dawn ma jwettqux xi sorpriża kontra Birkirkara. Brian Spiteri se jkun mingħajr id-difensur Wilker Rocha Santos u l-midfielder Almir Soto li t-tnejn li huma qed jiskontaw logħba sospensjoni. Gudja min-naħa l-oħra jnsabu aktar ixxamplati u bla pressjoni f’nofs il-klassifika fejn issa jidher li l-uniku objettiv li għandhom hu li jżommu din il-pożizzjoni hekk kif post mal-ewwel erbgħa huwa xi ftit diffiċli u riskju ta’ relegazzjoni huwa kważi impossibli. Fl-ewwel logħba ta’ bejniethom dan l-istaġun Gudja ħadu tliet punti f’rebħa ta’ 2-1.

Karl Micallef ta’ Gudja ssikat minn Leandro Almeida ta’ Żebbuġ Rangers (Ritratt: Catriel Farrugia)

Mosta vs Pietà Hotspurs | Is-Sibt, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium

Jekk il-Mostin iridu jibqgħu jittamaw li jiksbu post mal-ewwel erbgħa, minn din il-partita jridu xejn inqas minn rebħa u jittamaw li ma jibrħux Hibernians biex joqorbu aktar lejhom wara li l-Pawlisti rebħulhom il-ġimgħa li għaddiet u fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuqhom. Il-Hotspurs ukoll ġejjin minn telfa kontra l-leaders Ħamrun Spartans, telfa li waslet minn penalty kontroversjali għall-aħħar meta kollox kien jidher li t-tim immexxi minn Rodney Bugeja kien se jikseb punt. Ovjament Pietà iridu jinsew dan l-episodju u jerġgħu jibdew jiffokaw fuq kif se jiġbru l-punti minn dawn il-logħbiet li fadal biex forsi jisforzaw play-off kontra t-tim li jispiċċa fit-tielet post fiċ-Challenge League. Fl-ewwel round Mosta għelbu lil Pietà 4-1.

Reeves Cini megħlub f’wieħed mill-gowls ta’ Mosta kontra Pietà Hotspurs fl-ewwel round (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Balzan vs Marsaxlokk | Il-Ħadd, fil-11:30 fis-Centenary Stadium

Bħal Mosta, Balzan għandhom 26 punt, erbgħa ‘l bogħod mir-raba’ post u huma wkoll għandhom bżonn rebħa biex iżommu t-tamiet ta’ post fl-Ewropa ħajjin. It-tim immexxi minn Oliver Spiteri rebaħ l-aħħar tliet konfronti fil-kampjonat, bl-aħħar waħda tkun rebħa ta’ 1-0 kontra Gudja United. Huma se jkunu mingħajr Duvan Torres li jinsab sospiż. Marsaxlokk għal kuntrarju tilfu l-aħħar erbgħa logħbiet fil-kampjonat u l-aħħar rebħa tagħhom tmur lura għat-23 t’Ottubru meta dakinhar kienu għelbu lil Birkirkara 1-0. Meta fadal għaxar logħbiet għal tmiem il-kampjonat, ix-Xlukkajri jridu jibdew jinkwetaw daqxejn hekk kif bejnhom u bejn Santa Lucia, li jinsabu t-tielet mill-aħħar issa hemm biss sitt punti. L-ewwel konfront bejn it-tnejn dan l-istaġun intrebaħ minn Balzan 2-1.

Ħamrun Spartans vs Sirens | Il-Ħadd, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Għalkemm il-leaders Ħamrun jinsabu 11-il punt vantaġġ f’ras il-klassifika, u issa huwa kważi impossibli li jitilfu l-kampjonat, l-iskwadra ta’ Branko Nisevic trid iżżid fil-prestazzjonijiet sabiex anke jkunu preparati sew għall-konfront mill-FA Trophy kontra r-rivali Valletta. Matul din il-ġimgħa, Ħamrun akkwistaw żewġ plejers, l-attakkant Żvediż Kalle Holmberg u l-midfielder ta’ Għajnsielem Cláudio Murici. Sirens bħal Valletta kellhom aktar ċans jaħdmu fit-taħriġ mill-kumplament tat-timijiet wara li ma lagħbux fi tmiem il-ġimgħa u għalkemm għandhom tliet punti aktar minn Marsaxlokk, huma wkoll iridu joqgħodu attenti li ma joqorbux aktar lejn it-12-il post. Bla dubju li dan huwa konfront iebes għal Sirens li iżda dan l-aħħar kienu qed isibu saqajhom b’sensiela ta’ riżultati pożittivi fejn mill-aħħar sitt partiti fil-kampjonat rebħu erba’ darbiet. Fl-ewwel round l-Ispartans rebħu 2-0.